Mistoqsija u Tweġiba 06

Minn Olvin Vella

staqsiIl-kelma <ġieħ> tinkiteb bl-<h> jew bil-<ħ>?

Tinkiteb bil-<ħ> għax fil-kliem kollu maħruġ mill-għerq tagħha (eż. <weġġaħ>), issemma’ [ħ]. (Aġġornament, it-tieni parti, 2)

 Kliem ieħor bil-[ħ] huwa <tbaħrid> u <wċuħ>.

Mill-banda l-oħra, il-kliem ta’ hawn taħt niktbuh bl-ittra <h> għax, kif jidher fl-ewwel kolonna, il-konsonanti ġieli ma tinstemax:

belha         iblah     

hena          hieni    

kruha         koroh   

sehem        ishma   

xbieha        xebbah

Fil-qosor: meta l-‘akka’ fi kliem tal-istess għerq daqqa titlissen /ħ/ u daqqa ma titlissinx, tinkiteb dejjem <h>. 

Mistoqsija u Tweġiba 05

staqsi

Minn Olvin Vella

F’karta tal-eżami nkiteb: “meta t-temp fl-Antartiku jkun saħan, it-tfal tagħna [i.e. tal-pingwini] jkunu kibru biżżejjed biex irressquhom lejn l-ilma”. Niktbuha <rressquhom>?

Nistgħu niktbuha għax ir-regola tippermettilek: “Ittra konsonanti sew fil-bidu, sew fin-nofs, kemm fit-tarf tal-kelma, meta tinħass bħal dik li tmiss magħha, tista’ titfisser u tinkiteb bħalha kemm-il darba ma tkunx waħda mill-konsonanti ta’ għerq il-kelma.” (Tagħrif, It-Tieni Taqsima, nru 45)

Mela, skont din ir-regola, nistgħu niktbu pari bħal dawn li ġejjin:

<inmur> , <immur>

<inrodd>, <irrodd>

<inlum>, <illum>

<inressaq>, <irressaq>

Madankollu aktarx naqblu li <mmur> hija aktar popolari minn <inmur>, filwaqt li <inressaq> hija aktar popolari minn <irressaq>.

Li forma hija iktar popolari minn oħra ma jfissirx li hija t-tajba u l-oħra l-ħażina.

Mistoqsija u Tweġiba 04

staqsiMinn Olvin Vella

Niftakar li, qabel, <ħamest iżwiemel> kienu jimmarkawhielna ħażina. Imma llum fl-eżamijiet issib min jaċċettaha. X’għandna nagħmlu fil-klassi?

F’xi kotba tal-grammatika antiki nsibu r-regola li numri bħal <erba’> u <ħames> jieħdu t-Te Marbuta quddiem in-nomi li għandhom sillaba waħda. Hekk, quddiem il-kliem <fniek> u <tfal> irridu niktbu <erbat ifniek> u <ħamest itfal>.

Imma aħna lkoll smajna ’l min lit-Te Marbuta jżidha quddiem nomi li għandhom żewġ sillabi wkoll, bħal <kmamar> u <żwiemel>. Fil-fatt, tista’ tgħid: <erbat ikmamar> u <erba’ kmamar>; <ħamest iżwiemel> u <ħames żwiemel>.

F’każ bħal dan, meta regola grammatikali ma tibqax valida għax tinkiser mill-kelliema tal-lingwa standard, u l-ksur tagħha ma jfantasx il-kelliema, ir-regola trid tinbidel anki fil-kotba.

L-għalliema jagħmlu sew jekk jirrispettaw it-taħdit standard u f’dal-każ jaċċettaw iż-żewġ forom <ħamest iżwiemel> u <ħames żwiemel>.

Mistoqsija u Tweġiba 03

Minn Olvin Vella

staqsiIt-titlu <il-Kunsill Malti għall-iSport> miktub sew?

Le. Veru li għandna regola li titlobna niktbu <l-iSprite>, <l-iStergene>… imma din ir-regola titlobna nħarsu l-marki tad-ditti biss. (Żieda, Ċ 11 (ċ))

Fil-każ ta’ dan it-titlu, għandna niktbu: <il-Kunsill Malti għall-Isport>, bħalma niktbu ismijiet proprji oħra, ngħidu aħna, <l-Imdina> u <l-Imsida>.

Mistoqsija u Tweġiba 02

Minn Olvin Vella

staqsiIl-plural ta’ <xogħol> għaliex mhux <xogħolijiet>?

Il-plurali jaħdmu bil-forom.

Ngħidu aħna:

12ie3: klieb, sriep, qliel

12ū3a: ħbula, qmura, bgħula

1v23ijiet: laħmijiet, xaħmijiet, xogħlijiet

12ū3: ċfuf, qlub, ħbub

12ie3v4: dniefel, skieken, qliezet

1v2v3: gafef, lanez, ċelel

In-numri bl-aħdar juru jekk hemmx għerq trilitteru (1-2-3) jew kwadrilitteru (1-2-3-4).