Ix-xahar id-dieħel (Frar 2016) id-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu l-ħdax-il kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti. Il-kors, minbarra li se jiftaħ f’Malta, qed jerġa’ jkun offrut ukoll f’Għawdex.
Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, maħsub għal kull min juża l-Malti f’xogħlu jew jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Il-kors diġà temmewh b’suċċess għadd ġmielu ta’ għalliema, segretarji u skrivani tal-iskejjel u l-kulleġġi, impjegati u voluntiera tal-parroċċi, il-kunsilli lokali u ta’ diversi għaqdiet f’Malta u Għawdex. Il-kors imfittex ħafna mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku u l-Privat.
Għal aktar tagħrif ara ċ-ċirkulari: DCM 016/2016 jew il-ktejjeb fuq il-kors mis-sit tal-Universita’ ta’ Malta.
Author Archives: admin
Fehim mis-Smigħ – Is-6 Sena
Riżorsi tal-fehim mis-smigħ għall-primarja. Sett ta’ riżorsi għas-sitt sena li fihom kemm it-testi li jridu jinqraw mill-għalliema kif ukoll il-mistoqsijiet għall-istudenti. Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

Taħriġ dwar l-Ewwel Ittra tal-Kelma.
Taħriġ interattiv fuq l-ittri tal-alfabett fil-bidu tal-kelma. (Josette Baldacchino)
Ikklikkja hawn biex iżżur il-paġna tal-Kinder
Festival Nazzjonali tal-Ktieb
Ċerimonja tal-Premjazzjoni tal-Premju Frans Sammut 2015
Il-Premju Frans Sammut jingħata bħala rikonoxximent lil individwi u/jew iskejjel li jaħdmu biex jissaħħaħ, jixtered u jitjieb l-użu tal-Malti fl-iskejjel, fost l-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri.
Dawk l-iskejjel li jużaw il-Malti tajjeb fir-rutina ta’ kuljum, ngħidu aħna, fiċ-ċirkolarijiet, is-sinjali u t-tabelli tal-iskola, fis-sit elettroniku u r-rivista tagħhom, fil-laqgħat u l-attivitajiet soċjokulturali li jagħmlu (bħal Jum il-Premjazzjoni) u f’attivitajiet u ċirkostanzi oħrajn jistgħu japplikaw jew jiġu nnominati.
L-ittra ta’ applikazzjoni jew nomina, bil-lista tal-attivitajiet li għamlet l-iskola jew il-persuna u kull materjal utli li jsostni n-nomina, għandha tintbagħat lis-Sa Josephine Borg – josephine.d.borg@gov.mt jew inkella bil-posta fl-indirizz – L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Triq l-Assedju l-Kbir, il-Furjana VLT 2000 sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Novembru 2015.
Għall-Premju l-iskejjel jistgħu jinnominaw kemm persuni individwali (Kategorija A) kif ukoll l- iskola tagħhom (Kategorija Ċ). L-ewwel premju huwa ta’ €1,500, it-tieni ta’ €1,000 u t-tielet ta’ €500.
Ikklikkja hawn biex tara r-Regoli u l-Linji Gwida.
