
Intervista mal-Prof. Oliver Friggieri
Nhar l-14 ta’ Novembru 2012, il-Prof. Arnold Cassola se jintervista lill-Prof. Oliver Friggieri fuq ir-realtà tas-soċjetà Maltija fi żmienna. Din l-intervista se ssir f’Sala Erin Serracino Inglott, l-Università, fis-6.30pm.
Nistiednu lil kull min għandu għal qalbu l-letteratura Maltija, b’mod partikolari l-għalliema tal-Malti, biex jattendu din l-attività mtellgħa mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u jieħdu sehem fid-diskussjoni li se ssir wara.
Tagħrif ieħor fuq din l-attività tista’ taqrah minn hawn.
Doreen Galea f’Jum Dun Karm
Fit-18 ta’ Ottubru 2012, id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali organizza l-attività annwali ta’ Jum Dun Karm.
Dakinhar tkellmu d-Direttur tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku, is-Sur Sandro Spiteri, u l-Onor. Clyde Puli, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport.
Studenti minn skejjel differenti qraw xi poeżiji tal-Poeta. Din is-sena stajna ngawdu wkoll il-leħen sabiħ tal-kantanta magħrufa Doreen Galea li kantat xi poeżiji oħra ta’ Dun Karm. L-attività tmexxiet minn Abijel Dingli, Kap tad-Dipartiment tal-Malti.
Dawn huma xi ritratti minn Jum Dun Karm 2012.
Dun Karm imfakkar fl-Iskola Primarja ta’ Ħad-Dingli
Nifirħu lit-tfal tar-Raba’ Sena tal-Iskola Primarja ta’ Ħad-Dingli, immexxija mis-Sur Mark Saliba tal-attività tassew sabiħa li tellgħu f’ġieħ Dun Karm fit-18 ta’ Ottubru 2012.
Inħeġġu lill-għalliema tal-iskejjel Primarji jkomplu jorganizzaw attivitajiet sbieħ bħal dawn u jgħarrfuna bihom.
Werrejja ta’ Dun Karm

Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, ħareġ bl-inizjattiva sabiħa li joħloq werrejja ta’ Dun Karm biex jitqassmu lill-istudenti kollha li ġew għall-attività ta’ Jum Dun Karm fit-18 ta’ Ottubru 2012, il-Furjana.
Nirringrazzajw ukoll lil Marlon Barbara, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, tal-għajnuna tiegħu għal dawn il-werrejja.
Fuq wara tal-werrejja nsibu parti mill-Innu ta’ Filgħodu bil-kliem ta’ Dun Karm u l-mużika ta’ Ġużeppi Caruana. Inħeġġu lill-għalliema kollha tal-Primarja biex fil-klassijiet tagħhom ikantaw dan l-innu sabiħ.