Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tal-Ktieb, għal darba oħra, fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta se tittella’ l-wirja ta’ wħud mill-manuskritti, ġurnali u pubblikazzjonijiet li permezz tagħhom il-Malti seta’ jikber u jiżviluppa tul is-sekli. Din il-wirja se tkun miftuħa għall-istudenti tal-għaxar sena mid-19 sal 25 ta’ April 2023. 

Ktejjeb tat-Taħriġ Ktejjeb bir-Risposti Ktejjeb bit-Tagħrif

Il-Kompetizzjoni tal-Malti għar-Raba’ Sena tal-Primarja

It-Tieni u t-Tielet Semifinali

Fl-14 u fl-20 ta’ Marzu saru ż-żewġ semifinali l-oħra tal-Kompetizzjoni tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena tal-Primarja bil-għan li jħarrġu lill-istudenti fl-iżvilupp, it-tħaddim u l-ortografija tal-lingwa Maltija fi spirtu ta’ logħob kompetittiv.

Fis-semifinali tal-14 ta’ Marzu ħadu sehem l-istudenti tal-iskejjel Primarja ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan, ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġwann li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ Santa Klara. L-Iskola Primarja ta’ Pembroke rebħu t-tliet kategoriji ta’ din is-semifinali.

Fis-semifinali tal-20 ta’ Marzu pparteċipaw l-iskejjel ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi u ta’ San Bastjan, Ħal Qormi, mill-Kulleġġ San Injazju. L-iskola Primarja San Ġorġ rebħet Kategorija A filwaqt li l-Iskola Primarja San Bastjan rebħet Kategorija B u Ċ.

Dawn ir-rebbieħa flimkien mar-rebbieħa tal-ewwel semifinali mill-Kulleġġ t’Għawdex u l-Iskola Primarja ta’ Birkirkara (Kulleġġ Santa Tereża) li għaddew b’mod awtomatiku peress li ma kienx hemm parteċipanti oħra f’dan il-kulleġġ, jiltaqgħu għall-finali tal-Kompetizzjoni tal-Malti, fil-15 ta’ Mejju 2023 ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu.

Nawgurawlhom suċċess!

Riżorsi għar-Raba’ u l-Ħames Sena tal-Primarja – Attivitajiet tal-Kitba, Taħdit u Qari marbutin mal-filmati tad-Denfil.

Riżorsi u ideat ta’ kif filmati animati ta’ stejjer mis-sensiela popolari Id-Denfil jistgħu jintużaw mill-għalliema biex jgħinu lill-istudenti tagħhom jitħarrġu fil-ħiliet u l-kisbiet tas-sillabu tal-Malti fir-raba’ u l-ħames sena tal-primarja.

Nirringrazzjaw lis-Sur Chris Spiteri u turi productions, li bl-għajnuna tal-Kunsill Malti tal-Arti, animaw dawn l-istejjer u lil Josette Baldacchino, għalliema tar-riżorsi tal-Malti fid-Dipartiment tal-Kurrikulu, MEYR, li ħolqot dawn ir-riżorsi edukattivi.

Il-Kompetizzjoni tal-Malti għar-Raba’ Sena tal-Primarja

L-Ewwel Semifinali: Il-Kulleġġ t’Għawdex

Nhar il-Ħamis 23 ta’ Frar 2023 fl-Iskola Primarja Tas-Sannat kienet organizzata l-ewwel minn tliet semifinali tal-Kompetizzjoni tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena tal-Primarja mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan id-Direttorat tat-Tagħlim u l-Assessjar bil-għan li jħarreġ lill-istudenti fl-iżvilupp, it-tħaddim tal-lingwa u fl-ortografija.

L-iskejjel li pparteċipaw f’din is-semifinali kienu l-Iskola Primarja Karmni Grima tal-Għarb, l-Iskola Primarja Patri Mattew Sultana tax-Xagħra, l-Iskola Primarja Ġużè Aquilina Ta’ Sannat u l-Iskola Primarja Patri Pawl Grech ta’ Kerċem. Kategorija A intrebħet mill-Iskola Primarja tax-Xagħra, Kategorija B u Ċ intrebħu mill-Iskola Primarja Ta’ Sannat.

Il-logħob kien jikkonsisti minn spellija, ikteb kemm tista’ aġġettivi dwar stampa, nissel kliem minn għeruq u ħaġa moħġaġa.

Il-finali għar-rebbieħa tat-tliet semifinali se ssir f’Mejju fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu.    

Riżorsi b’materjal awdjoviżiv għar-Raba’ Sena tal-Malti għall-Barranin

Sett ta’ filmati li permezz tagħhom l-istudenti se jidraw isegwu l-viżwal filwaqt li jisimgħu storja qasira u wara jirrispondu mistoqsijiet dwarha.

Dawn ir-riżorsi jolqtu l-kisbiet:
Smigħ K1: Nifhem informazzjoni bażika minn siltiet qosra rrekordjati/bil-fomm li tittratta temi li tgħallimt dwarhom u li huma mwassla bil-mod, b’mod ċar u bil-pawsi.
Smigħ K6: Nifhem biex nagħżel informazzjoni bażika minn kontenut qasir ta’ bejn 80 – 100 kelma ta’ materjal awdjo rrekordjat u mxandar li jista’ jinkludi poeżiji ħfief/kanzunetti dwar temi li nkun tgħallimt dwarhom b’diskors artikolat, bil-mod u b’mod ċar.
Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.