Mixjet il-Malti – Żjara fil-Biblijoteka għall-istudenti tar-Raba’ Sena tas-Sekondarja

It-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta ser torganizza attività interattiva ta’ riċerka għall-istudenti tar-raba’ sena tas-sekondarja bl-isem Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina. Il-kapijiet tal-iskejjel u l-għalliema huma mitluba jaqraw l-informazzjoni marbuta ma’ din l-attività u mħeġġa jipparteċipaw fiha.

L-Għanijiet tal-Attività

Din l-attività hija marbuta mas-sillabu tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena u tgħinhom ukoll fit-tħejjija tagħhom għall-eżami tat-taħdit taċ-ĊES 2017. Barra minn hekk toffri opportunità lill-istudenti li jżuru l-Biblijoteka Nazzjonali u japprezzaw it-teżori stampati li hemm merfugħa fiha. Hija attività maħsuba wkoll biex tiċċelebra Jum il-Libreriji li jkun iċċelebrat fit-23 ta’ April ta’ kull sena.

Il-Programm tal-Attività

Din l-attività tikkonsisti f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti ser jintwera filmat dwar l-istorja tal-bini tal-Biblijoteka, is-sehem ta’ Agius de Soldanis, il-katalogar tal-kotba jew dokumenti, il-kotba b’legatura personalizzata, l-album tal-akwarelli, l-eqdem mappa ta’ Malta (jiġifieri dik tal-1490), u t-Taqsima tar-Restawr tal-istess Bibljoteka. Uħud minn dawn il-kotba antiki u imprezzabbli ser jintwerew lill-istudenti biex filwaqt li jagħrfu t-teżori stampati li għandna, japprezzaw ukoll il-ħidma kbira li ssir fil-Biblijoteka biex dawn jitħarsu. Wara l-filmat, l-istudenti jittellgħu fis-sala ewlenija fejn ikunu jistgħu jaraw għadd ta’ manuskritti u kotba marbutin mal-istorja tal-lingwa u l-letteratura Maltija, u jkunu jistgħu jaħdmu t-taħriġ li għandhom fi ktejjeb imħejji apposta għal din l-attività.

Għal aktar tagħrif ara ċ-ċirkolari DCM076/2016: Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina.
Ikklikkja hawn għar-riżorsi marbuta ma’ din l-attività.

Sett ta’ Riżorsi ta’ Taħriġ fl-Ortografija għall-Ħames Sena

Dawn ir-riżorsi jmorru id f’id mal-Kartelluni b’Tagħrif Ortografiku mtellgħin fis-sit riċentament.  Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

stampa dahla

 

Kotba ta’ Qari Supplimentari għall-Primarja 2016

Id-Dipartiment  tat-Tmexxija  tal-Kurrikulu qed jehmeż il-lista ta’ kotba ta’ qari supplimentari tal-Malti (stejjer u poeżiji) għall-Iskejjel tal-Primarja tal-Istat għall-2016. Din il-lista għandha ktiebtkun ta’ għajnuna għall-iskejjel biex ikompli jissaħħaħ il-litteriżmu fit-tfal  tal-Primarja, u biex,  bis-saħħa tagħha, ikunu jistgħu jingħażlu kotba supplimentari, jew għall-klassijiet jew għal-libreriji tagħhom, jew għal qari ieħor waqt il-lezzjonijiet tal-Malti. Biex taċċessa din il-lista kklikkja hawn: Lista ta’ Kotba ta’ Qari Supplimentari 2016 jew idħol f’din il-paġna: Primarja

Vetrina ta’ Attivitajiet u Prattiċi Edukattivi

Issa li wasalna f’nofs is-sena skolastika, nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk l-għalliema li minn żmien għal żmien għoġobhom jaqsmu r-riżorsi maħluqa minnhon ma’ għalliema oħra li jużaw dan is-sit. Nixtiequ wkoll li dan is-sit iservi ta’ vetrina għax-xogħol u l-prattiċi tajbin li ħafna għalliema tal-Malti fis-sekondarji, kif ukoll għalliema fil-primarji, ikunu qegħdin iħaddmu fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Għalhekk jekk wieħed iżur is-sezzjoni ta’ dan is-sit Vetrina, se jkun jista’ jara ritratti marbutin ma’attivitajiet ta’ tagħlim kif ukoll esibizzjonijiet li jippromwovu x-xogħol tal-istudent. L-għan huwa li naqsmu ideat ta’ kif jista’ jiġi esibit ix-xogħol tal-Malti tal-istudent, li ngħinu sabiex jinħoloq ambjent isbaħ għall-klassi fejn isir it-tagħlim tal-Malti u jimmotiva lill-istudent, kif ukoll sabiex iħeġġeġ għalliema oħra jaqsmu magħna l-prattiċi u l-ideat tajbin fejn jidħol it-tagħlim tal-Malti. Għalkemm ħafna mir-ritratti jitkellmu waħedhom, oħrajn huma marbutin ma’ pedagoġija li se nkunu qegħdin nispjegawha fil-qosor.