Films qosra fuq in-novelli tal-kotba Arja Friska 1 u 2

Bi pjaċir ninfurmaw lill-Kapijiet tal-iskejjel medji u sekondarji u lill-għalliema tal-Malti li t-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bi sħab mal-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCAST) għadhom kif nedew tnax-il film qasir imnebbħa minn novelli tal-kotba Arja Friska 1 u 2 li jintużaw fit-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel medji tal-istat. Dawn il-films inħadmu minn studenti tal-MCAST taħt id-direzzjoni tas-Sur Ian Attard, lettur u kordinatur tal-istudji tal-midja fl-Istitut tal-Arti Kreattiva, il-Mosta.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jistieden u jħeġġeġ lill-kapijiet tal-iskejjel medji u sekondarji biex jibagħtu klassi jew grupp ta’ studenti ta’ mhux aktar minn 25 student/a mill-iskola tagħhom tal-1 u/jew tat-2 sena tal-Medja/Sekondarja biex jaraw dawn il-films fl-4, il-5 jew is-6 ta’ Mejju fid-9:30 ta’ filgħodu. Il-films se jintwerew fi klassi mdaqqsa fl-iskola medja u sekondarja Tal-Ħandaq. L-iskejjel iridu jagħżlu liema ġurnata se jattendu fiha u jwasslu l-istudenti fil-post imsemmi kwarta qabel. Il-films jgħinu lill-istudenti jinterpretaw in-novelli, japprezzawhom aktar u jistgħu jservu ta’ reviżjoni għall-eżami tal-Malti tal-aħħar tas-sena.

Dawk l-iskejjel li jixtiequ jibagħtu klassi jew grupp ta’ studenti għandhom jibagħtu ittra elettronika lis-Sur David Muscat, fl-indirizz elettroniku david.muscat.4@ilearn.edu.mt sa nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju 2016. Min ikollu xi diffikultà jista’ jċempel 2598 2907. Billi l-postijiet huma limitati jiġu aċċettati l-ewwel klassijiet jew gruppi ta’ studenti tal-iskejjel li japplikaw.