Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jixtieq jgħarraf lill-kapijiet tal-iskejjel primarji, l-għalliema u l-ġenituri li għadha kif reġgħet ġiet aġġornata l-lista ta’ kotba tal-qari bil-Malti għall-istudenti tal-primarja. Din il-lista għandha sservi ta’ gwida għall-iskejjel meta jiġu biex jagħżlu u jixtru l-kotba għal-libreriji tal-klassijiet u tal-iskejjel. Il-kotba magħżula huma wkoll tajbin biex jintużaw waqt il-lezzjonijiet tal-Malti li jsiru fil-klassi.
L-għażla tal-kotba saret wara proċess ta’ evalwazzjoni li sar minn Bord tal-Għażla li twaqqaf apposta mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Dan il-bord mexa fuq il-kriterji mniżżlin fiċ-ċekkjatura li wieħed isib ippubblikata fis-sit elettroniku tat-Taqsima tal-Malti – malti.skola.edu.mt/primarja
Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jfakkar lill-pubblikaturi, id-distributuri u l-awturi lil jistgħu jissottomettu l-kotba tagħhom għall-evalwazzjoni tal-Bord lis-Sa Carmen Attard, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Joseph Abela Scolaro, il-Ħamrun.