Ir-rumanz preżenti tas-Seba’ Sena, ‘Zito Zandarell – Ġrajja ta’ Tifel Aljen’ ta’ Carmel G. Cauchi, li tqassam lill-istudenti fil-bidu ta’ din is-sena skolastika m’għandux jinġabar fl-aħħar tas-sena imma għandu jitħalla għand l-istudenti sabiex jeħduh magħhom.
Jekk l-imħażen tal-iskola hemm kopji oħra tal-istess rumanz, dawn għandhom jitqassmu BLA ĦLAS lit-tfal tat-tieni sena. Jekk ikunu f’kundizzjoni ġdida jew tajba ħafna, l-iskola tista’ tużahom f’xi okkażjoni biex tippremja lill-istudenti jew biex jitpoġġew fil-librerija tal-klassi. (Ċirkulari DLAP158/2018)
Aġġornament tas-Sillabu tal-Grammatika għall-Għaxar Sena (Form 4)
B’effett minn Settembru 2018, se jitnaqqsu xi aspetti tal-grammatika. (Ċirkulari – DLAP 161/2018)
Dan it-tnaqqis qed isir biex ikun hemm aktar ħin iddedikat għal aspetti oħra tal-lingwa, fosthom il-kitba u l-letteratura. L-għalliema huma mħeġġa biex jaġġornaw l-iskemi ta’ xogħol tagħhom biex jirriflettu dan l-aġġornament.
L-aspetti li se jitnaqqsu huma dawn:
1. Il-mekkaniżmi tranżizzjonali (parti minn kapitlu 22)
2. Il-konkordja, il-komplimenti tal-verb u xi kelmiet li jagħmluha ta’ verbi (kapitlu 26)
3. It-tempijiet komposti u verbi awżiljari (kapitlu 27)
Għalhekk l-aspetti li se jibqgħu fis-sillabu u jkunu mgħallma huma dawn:
1. Il-konġunzjonijet (parti minn kapitlu 22)
2. L-avverbju (kapitlu 23)
3. L-aspetti Rumanzi u Ingliżi tal-kitba (kapitlu 24)
4. Il-verb b’tifsirtu (kapitlu 25)
5. Il-Punteġġjatura u s-sentenza (kapitlu 28)
Min ikollu bżonn xi kjarifika fuq dawn l-aġġornamenti jista’ jkellem lill-Kap tad-Dipartiment jew lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Kulleġġ tiegħu.
Lista ta’ rumanzi bil-Malti b’rabta mas-Sillabu l-ġdid tas-Seba’ Sena
It-Taqsima tal-Malti tad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar qed toħroġ din il-lista approvata ta’ rumanzi bil-Malti ta’ avventura u bi sfond storiku. Minn din il-lista għandhom jintgħażlu l-kotba tal-qari skont il-ħiliet u l-abbiltajiet tal-istudenti fir-rotot rispettivi.
Dawn il-kotba għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-miri stabbiliti għal-Letteratura fil-Kisbiet mit-Tagħlim għal-livell 7. Ir-rumanzi jridu jintgħażlu minn din il-lista ta’ kotba approvati.
Din il-lista se tkun aġġornata minn żmien għal żmien. Dawk l-għalliema li jkollhom suġġerimenti ta’ kotba biex jiġu inklużi fil-lista li jmiss għandhom jgħadduhom lill-Kap tad-Dipartiment tal-Kulleġġ jew lill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti.
Tqassim tal-Ammonti ta’ Kliem għat-Testi: Mejju 2018
Din hija l-linja gwida li fuqha għandhom jimxu l-għalliema biex ifasslu u jħarrġu lill-istudenti tagħhom għall-Assessjar Kontinwu. Dan it-tqassim se jintuża wkoll għall-Eżamijiet Annwali.
It-Termini Letterarji għall-Assessjar Kontinwu u Summattiv: Minn Settembru 2018
Din il‑lista tindika t‑termini letterarji li l‑istudenti huma mistennija jkunu jafu meta jersqu għall‑assessjar kontinwu u għall-eżami. It‑termini qed jitqassmu fuq is‑snin kollha tas‑sekondarja biex għal skop ta’ assessjar l‑istudenti jkunu jafu liema termini jistgħu jiġu mistoqsija fuqhom …
.

