It-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta ser torganizza attività interattiva ta’ riċerka għall-istudenti tar-raba’ sena tas-sekondarja bl-isem Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina. Il-kapijiet tal-iskejjel u l-għalliema huma mitluba jaqraw l-informazzjoni marbuta ma’ din l-attività u mħeġġa jipparteċipaw fiha.
L-Għanijiet tal-Attività
Din l-attività hija marbuta mas-sillabu tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena u tgħinhom ukoll fit-tħejjija tagħhom għall-eżami tat-taħdit taċ-ĊES 2017. Barra minn hekk toffri opportunità lill-istudenti li jżuru l-Biblijoteka Nazzjonali u japprezzaw it-teżori stampati li hemm merfugħa fiha. Hija attività maħsuba wkoll biex tiċċelebra Jum il-Libreriji li jkun iċċelebrat fit-23 ta’ April ta’ kull sena.
Il-Programm tal-Attività
Din l-attività tikkonsisti f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti ser jintwera filmat dwar l-istorja tal-bini tal-Biblijoteka, is-sehem ta’ Agius de Soldanis, il-katalogar tal-kotba jew dokumenti, il-kotba b’legatura personalizzata, l-album tal-akwarelli, l-eqdem mappa ta’ Malta (jiġifieri dik tal-1490), u t-Taqsima tar-Restawr tal-istess Bibljoteka. Uħud minn dawn il-kotba antiki u imprezzabbli ser jintwerew lill-istudenti biex filwaqt li jagħrfu t-teżori stampati li għandna, japprezzaw ukoll il-ħidma kbira li ssir fil-Biblijoteka biex dawn jitħarsu. Wara l-filmat, l-istudenti jittellgħu fis-sala ewlenija fejn ikunu jistgħu jaraw għadd ta’ manuskritti u kotba marbutin mal-istorja tal-lingwa u l-letteratura Maltija, u jkunu jistgħu jaħdmu t-taħriġ li għandhom fi ktejjeb imħejji apposta għal din l-attività.
Għal aktar tagħrif ara ċ-ċirkolari DCM076/2016: Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina.
Ikklikkja hawn għar-riżorsi marbuta ma’ din l-attività.