Attività nazzjonali f’ġieħ Dun Karm

Fit-18 ta’ Ottubru li għadda d-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Kumitat Festi Nazzjonali tellgħu attività f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali tal-Maltin ħdejn il-monument tiegħu l-Furjana.

F’din l-attività tkellmu d-Direttur Ġenerali l-Professur Grace Grima u l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo. It-tnejn faħħru lil Dun Karm bħala poeta kbir Malti li ħadem ħafna għal ilsien art twelidna. Fiċ-ċerimonja l-kantanta Mary Rose Malli kantat żewġ poeżiji ta’ Dun Karm, ‘Wied Qirda’ u ‘Bjuda’, bil-mużika tas-Surmast Dominic Galea. Iċ-ċerimonja ntemmet bit-tqegħid tal-fjuri mit-tfal tal-iskejjel mal-monument tal-Poeta. Il-preżentazzjoni kienet f’idejn il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Ina Cutajar.

Nirringrazzjaw lil dawn l-iskejjel li ġew għall-attività: l-Iskola Primarja tal-Furjana, tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, l-Iskola Primarja taż-Żejtun, tal-Kulleġġ Santa Margerita, l-Iskola Sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ, tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, l-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel, tal-Kulleġġ Santa Tereża, l-Iskola Sekondarja tan-Naxxar, tal-Kulleġġ San Nikola, l-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke, tal-Kulleġġ Sant Klara, l-Iskola Sekondarja tal-Mosta, tal-Kulleġġ Marija Reġina, l-Iskola Sekondarja Ogħla, Giovanni Curmi, l-Iskola tas-Sacred Heart, l-Iskola Sekondarja ta’ St Joseph, Tas-Sliema, l-Iskola Sekondarja tas-Seminarju, il-Kulleġġ Santu Wistin, u l-Iskola Sekondarja ta’ Santa Venera, tal-Kulleġġ Santa Tereża.

L-album tal-attività tista’ tarah minn hawn.