Il-Milied it-Tajjeb!

Dal-Milied se jkun wieħed speċjali fil-klassijiet tal-primarja. U dan bis-saħħa ta’ Sr Giovannita Briffa, il-Kap tal-Iskola San Franġisk ta’ Birkirkara, li għadditilna kanzunetta ħelwa ħafna tal-Milied miktuba minn Mario Cucciardi, bil-mużika ta’ Andrew Zammit. Il-kanzunetta hija kantata mill-kor tat-tfal ‘Ilħna Ferrieħa’ tal-istess skola u ġiet irrekordjata għand Tone Studios. Nirringrazzjaw lill-ħbieb tagħna Thomas Pace u Maria Azzopardi li għal darb’oħra ħejjew il-filmat ta’ mal-kanzunetta.

Min irid aktar tagħrif fuq din il-kanzunetta u fuq kanzunetti oħra bil-Malti ta’ dan l-istess kor jista’ jidħol fis-sit tal-Iskola San Franġisk.

Nixtiqulkom il-Milied it-tajjeb u nħeġġukom biex tkantaw din il-kanzunetta fil-klassijiet tagħkom.

In-Nannu nesa x’jisimni

Nifirħu lis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u lill-awtur Trevor Zahra għall-pubblikazzjoni In-Nannu nesa x’jisimni li qed titqassam fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.

L-għan ta’ dan il-ktieb hu li jgħin lit-tfal jitgħallmu aktar dwar id-dimensja u li jkisser perspettivi żbaljati dwar din il-kundizzjoni. Sikwit jiġri li r-riċerka ssir fuq l-internet u allura t-tfal mhux dejjem isibu materjal adattat għalihom. Problema oħra hi li t-tfal jafu jiltaqgħu ma’ materjal li ma jkunx miktub minn għajn awtorevoli u għal-livell tagħhom.

Fost il-mistoqsijiet li jqanqal u jwieġeb dal-ktieb, li qed jintuża wkoll fil-lezzjonijiet tal-PSD u l-Istudji Soċjali, insibu:

– X’inhi d-dimensja?
– Id-dimensja tista’ tittieħed?
– Għaliex l-individwu milqut iġib ruħu b’mod li jidher stramb?
– X’effetti tħalli fuq il-qraba u fuq l-individwu nnifsu d-dimensja?

Barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni qed tkompli twassal messaġġ ta’ importanza għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Din is-sena l-Unjoni Ewropea ddedikatha għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Fis-sit tagħha fuq l-anzjanità attiva toffri wkoll pjanijiet tal-lezzjonijiet dwar kif l-iskejjel jistgħu jilħqu dawn l-għanijiet.

Ara r-ritratti ta’ attività li saret dan l-aħħar fl-Iskola Primarja San Tumas More, Wied il-Għajn. Matul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Mario Galea tkellem fuq din l-inizjattiva sabiħa filwaqt li l-awtur tal-ktieb Trevor Zahra qara siltiet mill-ktieb u ddiskuta mal-istudenti l-kontenut tiegħu.