Kompetizzjoni għall-Aħjar Disinn tat-Trofew tal-Premju Frans Sammut 2015

Premju Frans SammutIl-Kumitat Organizzattiv tal-Premju Frans Sammut li jingħata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jistieden lill-istudenti tal-iskejjel medji, sekondarji u postsekondarji (fosthom l-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST) biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni għall-aħjar disinn tat-trofew tal-Premju.

Id-disinn tat-trofew għandu jissodisfa dawn il-kriterji:
a. Id-disinn irid ikollu rabta mal-ilsien Malti jew mal-kultura Maltija;
b. It-trofew irid ikun jista’ jiġi riprodott fi tliet qisien raġonevoli għall-ewwel, it-tieni u t-tielet premju;
ċ. It-trofew irid ikun jista’ jinħadem b’mod fattibbli minn materjali li jinsabu fis-suq;
d. Fuq it-trofew irid ikun hemm spazju fejn jitnaqqxu l-isem tar-rebbieħ/a, il-kategorija u dettalji oħra.

Mad-disinn il-parteċipanti jridu:
a. jindikaw il-materjal/i li minnu jissuġġerixxu li jinħadmu it-trofej;
b. jagħtu l-qisien tat-tliet trofej (l-ewwel, it-tieni u t-tielet post).

Il-parteċipanti għandhom jissottomettu disinn bil-kulur tat-trofew. Jekk jixtiequ, jistgħu jissottomettu wkoll abbozz/mudell tat-trofew. Mad-disinn il-parteċipanti jridu jindikaw b’mod ċar l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown, u isem l-iskola fejn jattendu. Id-disinjatur tad-disinn rebbieħ jingħata premju ta’ 100 (mitt) ewro.

Min jixtieq jieħu sehem irid jibgħat id-disinn tiegħu lis-Sa Josephine Borg, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Triq l-Assedju l-Kbir, il-Furjana VLT 2000 sa nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta, 30 ta’ Ġunju 2015. Id-deċiżjoni tal-Kumitat Organizzattiv tkun finali u ma tistax tiġi kkontestata jew appellata. Il-Kumitat għandu d-dritt ma jagħtix il-premju għall-aħjar disinn.

(Ikklikkja biex tniżżel iċ-ċirkulari)

Proġett tal-Malti ma’ Heritage Malta

Il-Palazz-tal-InkwiziturId-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca flimkien ma’ Heritage Malta ħadmu fuq attivitajiet b’rabta mal-Proġett tal-Malti tal-Ewwel Sena tas-Sekondarja. L-istudenti kellhom programm varjat li sar fil-Palazz tal-Inkwiżitur u fih semgħu, raw u pparteċipaw b’mod sħiħ f’għadd ta’ attivitajiet b’temi varji. Il-ħsieb hu li mis-sena d-dieħla dawn l-attivitajiet ikunu qed jilħqu aktar kulleġġi.

Aqra dan ir-rapport għal aktar dettall.

Sejħa għal skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mill-Ewwel sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed jitlob is-sottomissjoni ta’ skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mmirati għal studenti mill-Ewwel Sena sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat. Għaldaqstant, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu jistieden lill-awturi, pubblikaturi, distributuri ta’ kotba u lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex jibagħtu kopja ta’ skema/i ta’ qari bil-Malti fil-livell primarju biex jiġu evalwati.

L-iskemi mibgħuta għandu  jkollhom l-istima bi prezzijiet fuq kwantità.

Linji Gwida

L-iskemi jridu jissodisfaw dawn il-kriterji:

  1. Ikunu miktubin skont ir-regoli attwali tal-ortografija tal-Malti.
  2. Ikunu konformi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.
  3. Ikunu konformi mal-għanijiet u l-miri ta’ tagħlim tas-Sillabu Nazzjonali 2006.
  4. Jinkludu grafika/illustrazzjonijiet/stampi li jkunu kompatabbli ma’ testi u kuntesti ta’ ġeneri varji.
  5. Ikunu addattati għal firxa ta’ ħiliet li wieħed isib fl-iskejjel primarji u li jkunu wkoll addattati għal strateġiji diversi ta’ tagħlim skont l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
  6. Preferibbilment jinkludu riżorsi u materjal ieħor t’għajnuna għall-għalliema.

L-iskemi għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2015 f’nofsinhar, u għandhom jintbagħtu lil:

Is-Sa Anna Frendo (Is-Segretarja)
Il-Bord tal-Għażla
Skemi tal-Kotba tal-Qari bil-Malti (Il-Primarja)
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana

Il-kotba sottomessi jingħataw lura lill-propjetarji fi żmien raġonevoli.

Ara l-avviż fil-ħarġa 19,396 tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, l-24 ta’ Marzu 2015, paġni 2362 u 2363.

 

Il-Premju Frans Sammut

Premju Frans SammutIl-Premju Frans Sammut tfassal bil-għan li jippremja l-użu tajjeb tal-Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja. Din is-sena, il-Premju se jingħata lil dawk l-individwi, entitajiet privati, (għaqdiet, kunsilli lokali, istituzzjonijiet governattivi, mezzi tax-xandir, eċċ.) u skejjel li juru li fil-komunikazzjoni verbali, bil-kitba u elettronika jinqdew bl-ilsien Malti b’mod tajjeb, kreattiv u innovattiv.

Il-Premju jinqasam fi tliet kategoriji:

Kategorija A: Għal individwi minn sittax-il sena ’l fuq minn kull qasam tal-ħajja.

Kategorija B: Għal entitajiet, fosthom għaqdiet volontarji, kunsilli lokali, kumpaniji privati, istituzzjonijiet governattivi, fondazzjonijiet, koperattivi u l-bqija.

Kategorija Ċ: Għal skejjel statali, tal-knisja u privati, u entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni.

Il-premjijiet huma ta’ €1500, €1000 jew €500 f’kull kategorija.

Dawk l-individwi u l-iskejjel li jaħsbu li jixirqilhom dan il-Premju (Kategoriji A u Ċ) għandhom jissottomettu ittra ta’ applikazzjoni u jibagħtu d-dokumenti meħtieġa lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Triq l-Assedju l-Kbir, Il-Furjana VLT 2000 sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 11 ta’ Novembru 2015. Iċ-ċirkolari qiegħda tinħareġ kmieni biex l-iskejjel jingħataw żmien biżżejjed jorganizzaw attivitajiet b’risq il-Malti u jtejbu l-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-Malti tagħhom.

Min ikun jixtieq aktar informazzjoni jista’ jċempel lis-Sa Josephine Borg, tel. 2598 2881.