Mistoqsija u Tweġiba 15

Minn Olvin Vella

staqsi

L-istudenti ta’ sikwit jgħidu <iġi>, <iekol> u <ieħu>. Jiena dejjem ngħid <ejja>, <kul> u <ħu> imma m’iniex ċerta jekk humiex qed jgħiduha ħażin. Liema hi t-tajba?

Fil-kotba tal-grammatika l-forom milqugħa huma <ejja>, <kul> u <ħu> biss.

<Iġi> naħseb li lkoll smajnieha fil-klassijiet iż-żgħar nett imma l-istudenti aktarx jaqilbu għal <ejja> huma u jikbru. Jitgħallmu jgħidu <ejja> mingħand l-għalliema, jew mingħand il-ġenituri meta jikkoreġuhom biex jitkellmu tajjeb.

<Iekol> hija mifruxa ħafna u jgħiduha anki l-kbar. Interessanti li nsibuha rreġistrata fil-ħrejjef miġburin minn Patri Manwel Magri fil-bidu tas-seklu 20 (ara, ngħidu aħna, Il-Ħrafa tax-Xhur: “Oqgħod baxx,” qalulu, “u iekol magħna.”). Patri Magri huwa meqjus wieħed mill-awturi klassiċi tagħna.

Il-forom <iġi>, <iekol> u <ħu>, għalkemm iċċensurati fil-kotba tal-grammatika, fil-fatt huma mibnija skont mudell grammatikali. F’ċerta età, it-tfal żgħar ikunu qabdu r-regola ta’ kif isawru l-imperattiv imqar jekk ikunu għadhom ma qabdux lapes b’idhom, u jimxu għar-rink*.

Jirraġunaw xi ħaġa hekk:

Jekk minn tixrob u tiġri nnisslu l-kmand int ixrob!, int iġri! …
… mela minn tiġi, tiekol, tieħu nnisslu: *int iġi!, *int iekol!, *int ieħu!

Ikunu qed jaqtgħu barra l-prefiss t- tal-konjugazzjoni tal-imperfett.

Din il-ġeneralizzazzjoni tar-regola nsejħulha l-livellar morfoloġiku. Għal każi fl-Ingliż ara din.

Nagħmlu tajjeb jekk fil-lezzjoni nikkoreġu l-forom <iġi>, <iekol> u <ieħu>. Imma nagħmlu aħjar jekk, waqt li nikkoreġuhom, lill-istudenti nfissrulhom l-għaliex joħorġu b’dawn il-forom.

* “għar-rink” hija idjoma Maltija. Tfisser jaqtgħu għad-dritt, bla ma jagħżlu.