Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u d-Dipartiment tat-Tagħlim Elettroniku beħsiebhom ikomplu jistampaw kotba kbar u innovattivi, u jagħtu aċċess bla ħlas lill-għalliema għal għadd ta’ kotba diġitali bil-Malti biex jintużaw fit-tagħlim tal-Malti fis-Snin Bikrin u tal-Primarja. Għal dan il-għan id-Dipartiment waqqaf Kumitat biex jieħu ħsieb jiġbor stejjer oriġinali, jagħżel minnhom l-aħjar u jistampahom bħala kotba kbar jew innovattivi, jew jiżviluppahom bħala kotba diġitali jew applikazzjonijiet għat-tablets. L-istejjer għandhom ikunu ħfief, mexxejja, miktuba b’Malti sabiħ u idjomatiku, u jitkellmu fuq affarijiet li għandhom għal qalbhom it-tfal bħal-logħob, il-festi, il-vaganzi, (bħall-Karnival, l-Għid u l-Milied), l-annimali, il-familja, il-ħbieb, in-natura, karattri veri jew mistħajla, il-mużika, l-isport, iż-żfin, il-kant, u stejjer mistħajla tal-ħolm u l-fantasija.
L-istejjer li jintbagħtu jridu jkunu oriġinali, pjaċevoli għat-tfal, marbutin mad-dinja tat-tfal tal-lum, iqisu kif it-tfal iħarsu lejn il-ħajja, iħeġġu lit-tfal jistħajlu u/jew jirriflettu, ikollhom attitudni miftuħa lejn kulturi u reliġjonijiet oħra u jħaddnu l-prinċipji tal-ugwaljanza soċjali. L-għalliema tal-klassi, kumplimentari, peripatetiċi, tal-litteriżmu, il-KGAs u l-LSAs li ħolqu stejjer u/jew illustrazzjonijiet li jmorru magħhom għat-tfal minn 8 sa 11-il sena huma mistiedna jibagħtu l-istejjer u l-illustrazzjonijiet tagħhom lis-Sur David Muscat, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Joseph Abela Scolaro, il-Ħamrun sa nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Frar 2016.
Għal aktar informazzjoni aqra ċ-ċirkulari CM019. Tista’ tikteb ukoll lis-Sur Muscat fl-indirizz elettroniku david.muscat.4@ilearn.edu.mt jew iċċempel 25982907.