Il-Kompetizzjoni tal-Malti għar-Raba’ Sena tal-Primarja

L-Ewwel Semifinali: Il-Kulleġġ t’Għawdex

Nhar il-Ħamis 23 ta’ Frar 2023 fl-Iskola Primarja Tas-Sannat kienet organizzata l-ewwel minn tliet semifinali tal-Kompetizzjoni tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena tal-Primarja mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan id-Direttorat tat-Tagħlim u l-Assessjar bil-għan li jħarreġ lill-istudenti fl-iżvilupp, it-tħaddim tal-lingwa u fl-ortografija.

L-iskejjel li pparteċipaw f’din is-semifinali kienu l-Iskola Primarja Karmni Grima tal-Għarb, l-Iskola Primarja Patri Mattew Sultana tax-Xagħra, l-Iskola Primarja Ġużè Aquilina Ta’ Sannat u l-Iskola Primarja Patri Pawl Grech ta’ Kerċem. Kategorija A intrebħet mill-Iskola Primarja tax-Xagħra, Kategorija B u Ċ intrebħu mill-Iskola Primarja Ta’ Sannat.

Il-logħob kien jikkonsisti minn spellija, ikteb kemm tista’ aġġettivi dwar stampa, nissel kliem minn għeruq u ħaġa moħġaġa.

Il-finali għar-rebbieħa tat-tliet semifinali se ssir f’Mejju fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu.    

Riżorsi b’materjal awdjoviżiv għar-Raba’ Sena tal-Malti għall-Barranin

Sett ta’ filmati li permezz tagħhom l-istudenti se jidraw isegwu l-viżwal filwaqt li jisimgħu storja qasira u wara jirrispondu mistoqsijiet dwarha.

Dawn ir-riżorsi jolqtu l-kisbiet:
Smigħ K1: Nifhem informazzjoni bażika minn siltiet qosra rrekordjati/bil-fomm li tittratta temi li tgħallimt dwarhom u li huma mwassla bil-mod, b’mod ċar u bil-pawsi.
Smigħ K6: Nifhem biex nagħżel informazzjoni bażika minn kontenut qasir ta’ bejn 80 – 100 kelma ta’ materjal awdjo rrekordjat u mxandar li jista’ jinkludi poeżiji ħfief/kanzunetti dwar temi li nkun tgħallimt dwarhom b’diskors artikolat, bil-mod u b’mod ċar.
Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

Assessjar Annwali (Pilota) LIVELL 5 – Induction – Il-Malti bħala Lingwa Barranija

Dan l-assessjar huwa mibni fuq il-QKERL (Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi), b’rabta mal-programm tal-Induction u jibbaża fuq Il-Kisbiet Mit-Tagħlim tal-Ħiliet tal-Malti Bħala Lingwa Barranija, Livell 5, li jiffoka fuq l-erba’ ħiliet prinċipali: It-Taħdit, is-Smigħ, il-Qari u l-Kitba. L-għan tiegħu huwa maħsub għal studenti li għadhom fil-bidu tal-proċess fit-tagħlim tal-Malti, u li allura l-lingwa Maltija hija ġdida għalihom.

Karta Pilota – Malti bħala Lingwa Barranija – Induction (2022) L-Iskema tal-Marki – Karta Pilota – Malti bħala Lingwa Barranija – Induction (2022)