Il-Kompetizzjoni tal-Malti għar-Raba’ Sena tal-Primarja

It-Tieni u t-Tielet Semifinali

Fl-14 u fl-20 ta’ Marzu saru ż-żewġ semifinali l-oħra tal-Kompetizzjoni tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena tal-Primarja bil-għan li jħarrġu lill-istudenti fl-iżvilupp, it-tħaddim u l-ortografija tal-lingwa Maltija fi spirtu ta’ logħob kompetittiv.

Fis-semifinali tal-14 ta’ Marzu ħadu sehem l-istudenti tal-iskejjel Primarja ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan, ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġwann li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ Santa Klara. L-Iskola Primarja ta’ Pembroke rebħu t-tliet kategoriji ta’ din is-semifinali.

Fis-semifinali tal-20 ta’ Marzu pparteċipaw l-iskejjel ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi u ta’ San Bastjan, Ħal Qormi, mill-Kulleġġ San Injazju. L-iskola Primarja San Ġorġ rebħet Kategorija A filwaqt li l-Iskola Primarja San Bastjan rebħet Kategorija B u Ċ.

Dawn ir-rebbieħa flimkien mar-rebbieħa tal-ewwel semifinali mill-Kulleġġ t’Għawdex u l-Iskola Primarja ta’ Birkirkara (Kulleġġ Santa Tereża) li għaddew b’mod awtomatiku peress li ma kienx hemm parteċipanti oħra f’dan il-kulleġġ, jiltaqgħu għall-finali tal-Kompetizzjoni tal-Malti, fil-15 ta’ Mejju 2023 ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu.

Nawgurawlhom suċċess!