Lista ta’ kotba tal-qari bil-Malti approvati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jixtieq jgħarraf lill-kapijiet tal-iskejjel primarji, l-għalliema u l-ġenituri li għadha kif reġgħet ġiet aġġornata l-lista ta’ kotba tal-qari bil-Malti għall-istudenti tal-primarja. Din il-lista għandha sservi ta’ gwida għall-iskejjel meta jiġu biex jagħżlu u jixtru l-kotba għal-libreriji tal-klassijiet u tal-iskejjel. Il-kotba magħżula huma wkoll tajbin biex jintużaw waqt il-lezzjonijiet tal-Malti li jsiru fil-klassi.

L-għażla tal-kotba saret wara proċess ta’ evalwazzjoni li sar minn Bord tal-Għażla li twaqqaf apposta mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Dan il-bord mexa fuq il-kriterji mniżżlin fiċ-ċekkjatura li wieħed isib ippubblikata fis-sit elettroniku tat-Taqsima tal-Malti – malti.skola.edu.mt/primarja

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jfakkar lill-pubblikaturi, id-distributuri u l-awturi lil jistgħu jissottomettu l-kotba tagħhom għall-evalwazzjoni tal-Bord lis-Sa Carmen Attard, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Joseph Abela Scolaro, il-Ħamrun.

 

Films qosra fuq in-novelli tal-kotba Arja Friska 1 u 2

Bi pjaċir ninfurmaw lill-Kapijiet tal-iskejjel medji u sekondarji u lill-għalliema tal-Malti li t-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bi sħab mal-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCAST) għadhom kif nedew tnax-il film qasir imnebbħa minn novelli tal-kotba Arja Friska 1 u 2 li jintużaw fit-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel medji tal-istat. Dawn il-films inħadmu minn studenti tal-MCAST taħt id-direzzjoni tas-Sur Ian Attard, lettur u kordinatur tal-istudji tal-midja fl-Istitut tal-Arti Kreattiva, il-Mosta.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jistieden u jħeġġeġ lill-kapijiet tal-iskejjel medji u sekondarji biex jibagħtu klassi jew grupp ta’ studenti ta’ mhux aktar minn 25 student/a mill-iskola tagħhom tal-1 u/jew tat-2 sena tal-Medja/Sekondarja biex jaraw dawn il-films fl-4, il-5 jew is-6 ta’ Mejju fid-9:30 ta’ filgħodu. Il-films se jintwerew fi klassi mdaqqsa fl-iskola medja u sekondarja Tal-Ħandaq. L-iskejjel iridu jagħżlu liema ġurnata se jattendu fiha u jwasslu l-istudenti fil-post imsemmi kwarta qabel. Il-films jgħinu lill-istudenti jinterpretaw in-novelli, japprezzawhom aktar u jistgħu jservu ta’ reviżjoni għall-eżami tal-Malti tal-aħħar tas-sena.

Dawk l-iskejjel li jixtiequ jibagħtu klassi jew grupp ta’ studenti għandhom jibagħtu ittra elettronika lis-Sur David Muscat, fl-indirizz elettroniku david.muscat.4@ilearn.edu.mt sa nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju 2016. Min ikollu xi diffikultà jista’ jċempel 2598 2907. Billi l-postijiet huma limitati jiġu aċċettati l-ewwel klassijiet jew gruppi ta’ studenti tal-iskejjel li japplikaw.

L-Alfabett għaż-żgħar nett

Kanzunetti miktuba u kantati minn Leontine Spiteri u kompożizzjoni ta’ Augusto Cardinali.

Kull taqbila hija abbinata ma’ ittra tal-alfabett.  L-istess ħoss tal-ittra hu rrepetut diversi drabi fi kliem differenti matul it-taqbila biex b’hekk it-tfal jisimgħu u jibdew jagħrfu l-ħoss tal-ittra partikolari u  jidentifikaw kliem li jibda u/jew ikun fih l-istess ħoss tal-ittra tal-alfabett.

Dawn il-kanzunetti huma adattati kemm għall-istudenti tal-kinder kif ukoll għall dawk tal-ewwel sena tal-primarja.

Il-produzzjoni ta’ dawn il-kanzunetti hija tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Sett ta’ Riżorsi ta’ Taħriġ fl-Ortografija għall-Ħames Sena

Dawn ir-riżorsi jmorru id f’id mal-Kartelluni b’Tagħrif Ortografiku mtellgħin fis-sit riċentament.  Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

stampa dahla

 

Kotba ta’ Qari Supplimentari għall-Primarja 2016

Id-Dipartiment  tat-Tmexxija  tal-Kurrikulu qed jehmeż il-lista ta’ kotba ta’ qari supplimentari tal-Malti (stejjer u poeżiji) għall-Iskejjel tal-Primarja tal-Istat għall-2016. Din il-lista għandha ktiebtkun ta’ għajnuna għall-iskejjel biex ikompli jissaħħaħ il-litteriżmu fit-tfal  tal-Primarja, u biex,  bis-saħħa tagħha, ikunu jistgħu jingħażlu kotba supplimentari, jew għall-klassijiet jew għal-libreriji tagħhom, jew għal qari ieħor waqt il-lezzjonijiet tal-Malti. Biex taċċessa din il-lista kklikkja hawn: Lista ta’ Kotba ta’ Qari Supplimentari 2016 jew idħol f’din il-paġna: Primarja