Mixjet il-Malti 2017 fil-Biblijoteka Nazzjonali

Din l-attività tmur lil hinn mis-sillabu u mill-eżamijiet. Pajjiż ċivilizzat jagħti l-ġieħ mistħoqq lil dawk in-nies kbar li sawruh u tawh l-identità tiegħu. Din l-attività tista’ sservi biex l-istudenti jagħrfu l-kobor tan-nies li, fi żminijiet u sitwazzjonijiet kultant diffiċli ħafna, ħadmu b’risq ilsienna, u jispiraw ruħhom minnhom u minn xogħlijiethom. L-iskop hu li l-istudenti li ser iżuru din il-wirja, fil-vetrini ma jarawx biss dokumenti u kotba qodma u musfara, imma impenn ta’ nies li bis-sagrifiċċji tagħhom ħadmu biex l-ilsien li llum jitgħallmu ma’ suġġetti oħra fil-klassi, jikber u jikseb id-dinjità li tixraqlu, u li minnha tant kien imċaħħad għal sekli twal.

Il-Malti huwa l-ilsien li l-istudenti tagħna jużaw meta jilagħbu u jiċċajtaw bejniethom, biex jikkomunikaw ma’ sħabhom u ma’ qrabathom, u biex jesprimu l-fehmiet, is-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħhom.

L-attività hija mqassma hekk:

  • L-istudenti jaraw il-filmat dwar il-Biblijoteka u xi teżori miżmuma f’dan il-post.
  • L-istudenti jżuru t-Taqsima tar-Restawr.
  • L-istudenti jmorru fis-sala ewlenija tal-Biblijoteka (is-Sala tal-Qari) u jaħdmu t-taħriġ imħejji fuq il-Kejjeb ta’ Taħriġ. Għal din l-attività l-għalliema jistgħu jqassmu wkoll Ktejjeb ta’ Tagħrif b’informazzjoni dwar kull esebit li hemm fil-wirja flimkien ma’ tagħrif dwar il-Biblijoteka.

Bħala preparazzjoni għall-attività, l-istudenti għandhom jaraw sew din il-preżentazzjoni.

WP_20160425_10_15_40_ProGħal aktar tagħrif u riżorsi dwar il-personaġġi li bil-ħidma tagħhom għenu biex il-Malti jikber u jiżviluppa żur din il-paġna.