Mistoqsija u Tweġiba 35

Minn Olvin Vella

Għan-nisa x’ngħidu? Avukat jew Avukata?

Fil-Malti (u anke f’lingwi oħra) nsibu li ċertu kliem li tradizzjonalment hu ‘maskili’ jista’ jirreferi wkoll għan-nisa (femminili). Dan huwa l-każ ta’ perit, direttur, nutar, president u avukat, ngħidu aħna.

Għalkemm dawn kollha għandhom il-verżjoni femminili tagħhom (perita, direttriċi, nutara, presidenta u avukata/avukatessa) xorta waħda nistgħu nużawlhom il-verżjoni ‘maskili’ biex nirreferu għan-nisa.

Ngħidu aħna, ġieli smajt lil xi ħadd jgħid “Mort għand l-avukat?” U din tkun mara? Jew inkella ġieli smajt lil xi ħadd jgħidlek “It-tifla tiegħi laħqet nutar” (flok nutara).

Għalhekk, iż-żewġ verżjonijiet huma tajbin u naċċetawhom it-tnejn.

Kif għedna qabel, dan ma jsirx fil-Malti biss, imma wkoll f’lingwi oħra, bħat-Taljan.