Mistoqsija u Tweġiba

Minn Olvin Vella

staqsiIl-Malti niktbuh kif irridu?

Le. Jeżistu r-regoli uffiċjali u dawn issibhom fl-Att dwar l-Ilsien Malti (Kap 470), Artiklu 2, fid-definizzjoni “ortografija”.

Minn fejn nista’ naqrahom ir-regoli?

Issibhom f’dan is-sit, taħt Ir-Regoli tal-Malti.

X’differenza hemm bejn l-Akkademja u l-Kunsill tal-Malti?

L-Akkademja tal-Malti twaqqfet fl-1920 u hi għaqda volontarja tal-kittieba. Fil-bidu kien jisimha l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u bidlet isimha fl-1964.

Il-Kunsill tal-Malti twaqqaf fl-2005 b’liġi u fih jipparteċipaw membri minn oqsma differenti. Insibu rappreżentanti tal-oqsma tal-lingwistika, tal-edukazzjoni, tal-ġurnaliżmu u tal-kultura.

Ir-regoli tal-Malti tradizzjonalment kienet tieħu ħsiebhom l-Akkademja, imma llum jieħu ħsiebhom il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Għalfejn l-ortografija l-ħin kollu nbiddlu fiha? Aħna rridu nkunu speċjali?! L-Ingliż ma nbidel qatt…

L-impressjoni li l-ortografija Maltija nbagħbsu fiha ta’ spiss hija żbaljata. L-ortografija moderna ġiet standardizzata fl-1924 u minn dak iż-żmien ’l hawn saru tibdiliet żgħar fiha 3 darbiet biss. Kull bidla kienet approvata mill-Gvern.

L-ewwel bidla saret fl-1984 biex tegħleb il-problemi ġodda li feġġew mad-dħul ta’ kliem modern mit-Taljan. Il-bidliet l-oħra saru fl-1992 u fl-2008 biex jaqtgħu xi inċertezzi li rriżultaw mir-regoli l-qodma. Eżempji ta’ dawn il-bidliet issibhom iktar ’l isfel.

Mhux veru li r-regoli tal-Malti biss jinbidlu. Fl-Ingliż naraw li kulma jmur qed tiżdied l-influwenza tal-kitba Amerikana f’eżempji bħal <to materialize> u <center> (minflok il-kitba Britannika <to materialise> u <centre>) tant li mqar il-kotba stampati l-Ingilterra kulma jmur qed jippreferu l-varjanti Amerikani.

Barra minn hekk, kotba tas-snin sittin u sebgħin kien fihom kliem bħal <to-day> u <connexion> li llum m’għadekx issibhom għax kulħadd qaleb għal <today> u <connection>.

Fi żmienna wkoll, il-Ġermaniżi, il-Franċiżi, l-Olandiżi u l-Portugiżi għamlu tibdiliet fl-ortografija tagħhom.

Ġeneralment il-bidliet isiru biex iqarrbu l-kitba lejn it-tlissin. Għalkemm tista’ tgħid li aħna naqbdu pinna b’idejna l-ħin kollu, qajla nirriflettu li l-kittieb modern jikteb skont kif kienu jlissnu l-kliem missirijietu, mijiet ta’ snin qablu. Ngħidu aħna, din hi r-raġuni għala l-Ingliż jagħżlu <to meet> minn <meat> jew <knight> minn <night>… mijiet ta’ snin ilu dan il-kliem kienu jlissnuh skont kif għadna niktbuh.

Il-bidliet fl-ortografija Maltija, meta saru?

L-ewwel bidla saret fl-1984 u ssemmiet “Żieda mat-Tagħrif”. “Żieda” għax ir-regoli l-ġodda kienu jiżdiedu mar-regoli l-antiki, mhux jeħdulhom posthom. Ir-regoli miżjudin kienu kollha marbutin mal-kliem ta’ nisel Sqalli, Taljan u Ingliż.

Xi wħud mir-regoli “miżjudin”:

1. Niktbu <poeżija>, <idea>, mhux <pojeżija>, <ideja> għax il-vokali jistgħu joqogħdu fejn xulxin. (Żieda, Ċ4)

2. Niktbu <magna>, <makkinarju>, <maċina>… jiġifieri l-kliem “barrani” niktbuh skont il-widna, mhux skont l-għerq. (Żieda, B2)

Għalkemm din ir-regola fid-dieher kissret it-tradizzjoni ortografika tal-Malti, i.e. li nibżgħu għall-għerq, irridu ngħidu li ġiet stabbilita u aċċettata minn kulħadd.

3. Niktbu <liġi importanti> u <biljetti użati> għax il-kliem ta’ nisel “barrani” li jibda bil-vokali fil-lingwa oriġinali, irid jibqa’ jżommha fil-Malti. Fl-Ingliż tikteb <important> u <to use>. (Żieda, Ċ1)

Imma dan ifisser li għandna niktbu <karozza pparkjata> għax fl-Ingliż niktbu <to park>, mingħajr vokali fil-bidu. Naturalment, f’eżempju ieħor, bħal <vann ipparkjat>, il-vokali niktbuha għax hawnhekk niġu bżonn il-vokali tal-leħen.

Din ir-regola nsibuha diffiċli biex ngħallmuha lill-istudenti ż-żgħar għax inkunu qed nitolbuhom ikunu jafu l-lingwi barranin biex jiktbu bil-Malti. L-akbar diffikultà jippreżentaha l-kliem li ġej mill-Isqalli u li ma jinsabx fit-Taljan modern jew fl-Ingliż, bħal <inzerta> u <induna>. F’dan il-każ, imnalla jkun id-dizzjunarju ta’ Aquilina!

Nirrikkmandaw li din ir-regola ngħallmuha fis-sitt sena; tista’ tagħtihom dan it-taħriġ biex jaħdmuh.

4. Niktbu <żvinturat> u <żball>, mhux <svinturat> u <sball>. (Żieda, Ċ6)

Din ir-regola warrbet l-użu tal-mudelli fil-każ tal-kliem “barrani”. Ngħidu aħna, iż-żewġ kelmiet li ġejjin fit-Taljan  jibdew s-: <sfortuna>, <żvinturat>. U li ġejjin fit-Taljan jibdew dis-: <dispjaċir>, <diżubbidjenza>.

Din ir-regola biegħdet il-kitba Maltija mill-kitba tal-lingwi magħrufin fostna, tant li xi wħud għadhom jiżbaljaw meta jiktbu <l-Iżvizzera>, <Liżbona>, <l-Iżlam> bil-konsonanti s.

Din ir-regola kienet importanti fi żmienha għax qatgħetha darba għal dejjem niktbux <sgur> (kif insibu fil-Miklem ta’ Erin Serracino Inglott) jew <żgur> (kif insibu fid-dizzjunarju ta’ Aquilina).

It-tieni bidla saret fl-1992 u ssemmiet “Aġġornament tat-Tagħrif”. “Aġġornament” għax xi regoli qodma tal-1924 ġew aġġornati.

Xi wħud mir-regoli “aġġornati” kienu:

1. Ma nistgħux niktbu <Roberta w Anna> għax il-konġunzjoni <w> ma baqgħetx korretta. Irridu niktbu <Roberta u Anna>, dejjem <u>. Din ir-regola ħaffet bosta it-tagħlim. (Aġġornament, it-tieni parti, VII)

2. Niktbu <Mark jgħid>, <il-mard jhedded>, mhux <Mark igħid>, <il-mard ihedded> għax il-verbi li fil-mamma jibdew bl-ittri <għ> u <h> ma jibdlux il-prefiss tal-konjugazzjoni minn <j> għal <i>. Regola li tat kas il-pronunzja u ħaffet it-tagħlim. (Aġġornament, it-tieni parti, IV)

3. Niktbu <għasafar>, mhux <agħsafar> għax in-nomi u l-aġġettivi li fis-singular jibdew bl-ittra <għ>, fil-plural iżommuha fuq quddiem nett. Regola li wkoll ħaffet ħafna it-tagħlim. (Aġġornament, it-tieni parti, III)

It-tielet bidla saret fl-2008 u r-regoli ssemmew “Deċiżjonijiet 1”. Dawn id-deċiżjonijiet saru bl-għan li jnaqqsu ħafna inċertezzi żejda. Konna niftħu dizzjunarji tajbin u nsibu li kelma bħal <dgħufija> stajna niktbuha bi tliet modi differenti. Id-deċiżjonijiet ħallew forma waħda biss tajba wara li saru argumenti lingwistiċi.

1. Niktbu <tal-armata>, <sal-ibħra>, <ġol-armarju>. Ma nistgħux niktbu iktar <ta’ l-armata>, <sa l-ibħra>, <ġo l-armarju>. (Deċiżjonijiet 1, 3.2.6)

Ir-regola tradizzjonali kienet tippermetti żewġ “inkonsistenzi” li kienu jikkumplikaw il-ħajja għalxejn: (i) konna naċċettaw il-kitba tal-varjanti fil-każ tal-kliem li jibda bl-ittri <għ> u <h>: <tal-għasfur> u <ta’ l-għasfur>; u (ii) konna niktbu <bħall-armata> meta, kieku ridna nkunu konsistenti mal-kitba <ta’ l-armata>, kellna niktbu <bħal l-armata>.

Din l-inkonsistenza kienet indrat imma minn żmien għal żmien kien ikun hemm min iqajjimha mill-ġdid. Għalhekk ir-regola l-ġdida poġġiet il-każi kollha fi skema waħda u ħaffet it-tagħlim bil-bosta filwaqt li baqgħet tirrispetta n-natura tal-lingwa.

2. Niktbu <mhux>, <mhix>, <mhumiex>… u <m’iniex>, <m’intix>, <m’aħniex>, <m’intomx> (Deċiżjonijiet 1, 3.2.5)

Ir-regoli tradizzjonali kienu jippermettu li niktbu <mintix>, <maħniex>. Imma dawn il-forom qatt ma qabdu sew. Mill-banda l-oħra, l-istess regoli kienu jippermettulna niktbu <m’hux> u <m’hix>, li wkoll mhumiex popolari. Fil-fatt, it-tendenza hi li n-negattiv tal-pronomi personali li jibdew bl-ittra <h> jingħaqad bla ma jinqeda bl-apostrofu. Imma meta l-pronom jibda bil-vokali, jieħu l-apostrofu.

3. Niktbu <semifinali> u <antidemokratiku>, mhux <semi finali>, <anti demokratiku> (Deċiżjonijiet 1, 3.2.2)

Il-prefissi jingħaqdu mal-kelma ewlenija ta’ warajhom. Fl-Ingliż, daqqa jifirdu ż-żewġ partijiet b’sing u daqqa jgħaqqduhom: <anti-democratic> u <antisemitism>. Fil-Malti se ngħaqqduhom bħalma drajna ngħaqqdu <internazzjonali>, <poliklinika> u <arċisqof>. Is-sing se nużawh biss meta l-kelma ewlenija tibda b’kapitali: <anti-Taljan>.