Kien hemm raġel li kien dejjem igerger għax kien fqir u qatt ma kellu xejn. Dejjem jisħet xortih. Jum minnhom kien għaddej minn ħdejn xmara tgelgel bis-saħħa kollha tagħha. Medhi kif kien, jaħseb fuq xortih, jilmaħ fl-art borża żgħira ħamra. Tbaxxa u ġabarha bil-ħerqa. Iżda xħin ġabarha u fetaħha sabha mimlija biċċiet żgħar tal-ġebel. Bir-rabja qabad u waddabha fix-xmara, filwaqt li kompla triqtu. Wara ftit ħin resaq fuqu raġel għani li mill-ewwel staqsieh għall-borża. Il-fqajjar kien għoddu miet meta l-għani qallu li dik il-borża li kien sab kienet mimlija ħaġar prezzjuż!
Bosta drabi, l-għalliema jgergru li fil-Malti ninsabu żvantaġġjati ħdejn l-Ingliż u suġġetti oħra. Dan għaliex neqsin mir-riżorsi. Imma jista’ jkun il-każ li għandna l-borża f’idna u ma nindunawx x’fiha. Ta’ min jaħseb ftit fuq dawn il-mistoqsijiet?
• Taf li hemm dan is-sit tal-Malti li jista’ jkun għodda tajba għall-klassi?
• Kemm tidħol fih biex taġġorna ruħek b’li jkun qed jiġri?
• Kemm inti lest li tagħti sehmek biex jittellgħu aktar riżorsi fis-sit?
• Ma taħsibx li kieku kull għalliem/a itella’ taħriġ wieħed, ikun jista’ jkollna ħażna akbar ta’ riżorsi li minnha jkunu jistgħu jgawdu ħafna?
• X’inhu jżommok milli tagħmel l-ewwel pass u tipprovdi xi riżorsa għas-sit mill-ħafna li żgur li għandek?
Naħseb li l-messaġġ huwa wieħed ċar: jekk ninsew ftit l-egoiżmu professjonali u naħdmu flimkien u jekk kull wieħed u waħda minna nagħtu s-sehem żgħir tagħna, naħseb li jkollna sit tal-Malti li tassew ikun bank ta’ riżorsi li jgħin fit-tagħlim tal-Malti u li żgur jaqdi lill-klijenti tagħna, kemm kbar u kif ukoll żgħar, bl-aħjar mod possibbli.
Stedina: Jekk tixtieq tgħaddi xi xogħol biex jitla’ fis-sit, ibagħtu fl-indirizz tiegħi (hawn taħt) jew ċempel fuq in-numru indikat.
Grazzi bil-quddiem u nawguralkom is-saħħa.
George Mifsud
Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti fil-Primarja
Kamra 7
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460
Indirizz elettroniku: george.mifsud@ilearn.edu.mt
Tel. (+356) 2558 710