Laqgħat mal-awturi

Nifirħu lill-għalliema tal-Malti tal-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Santa Venera (mill-Kulleġġ Santa Tereża) li, fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tal-Librerija li ttellgħet fl-iskola tagħhom, organizzaw żewġ laqgħat għall-istudenti mal-awturi Victor Fenech u Carmel G. Cauchi.

Fit-23 ta’ April, l-istudenti kollha tat-Tielet Sena ltaqgħu mal-awtur Victor Fenech. Miegħu ddiskutew diversi aspetti tal-letteratura u l-lingwistika Maltija. Victor Fenech ħa gost iwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu. Fenech tkellem ukoll fuq dawk l-affarijiet li jispirawh biex jikteb u fuq il-fatt li l-lingwa Maltija hi ħajja u dinamika. Għalhekk qiegħda dejjem tinbidel u m’għandniex għax nistagħġbu b’ lessiku ġdid li minn żmien għal żmien jidħol fiha.

carmelgcauchiMin-naħa tiegħu, l-awtur u l-Eks Assistent Kap ta’ skola, Carmel G. Cauchi ltaqa’ mal-istudenti tal-Ewwel Sena. Dawn kienu ppreparati bil-mistoqsijiet, b’materjal maħdum minnhom stess (li ttella’ f’wirja) u b’għadd ta’ kotba miktuba minnu. Cauchi ffirmalhom ħafna minnhom u kellimhom fuq l-esperjenza tal-kitba tiegħu.

Bl-apprezzament muri minn dawn l-istudenti, konvinti li laqgħat oħra bħal dawn jirnexxu u jkomplu jressquhom dejjem aktar lejn il-kotba u l-libreriji tagħna. Inħeġġu lil skejjel oħra biex, bħalma għamlu dawn l-għalliema ta’ Santa Venera, ilaqqgħu wkoll lill-istudenti tagħhom mal-awturi tal-letteratura Maltija.