Għeżież ħbieb,
Mela ftit taż-żmien ilu kont qed nitkellem ma’ persuna mlaħħqa sew u skużat ruħha talli l-ittrejiet tiktibhomli dejjem bl-Ingliż, flok bil-Malti. Skużat ruħha għax ħasbet li qed tonqosni mir-rispett, imma spjegatli li hi tħossu handicap (din hija l-kelma li użat) kbir li ma tafx tikteb bil-Malti.
Fis-sew, niltaqa’ ma’ ħafna nies kompetenti fis-suġġetti tagħhom u mlaħħqin sew, iżda li, b’xorti ħażina, meta jiġu biex jiktbu xi kitba żgħira bil-Malti, imqar nota qasira, jiktbuha bl-Ingliż għax jaħsbu li jaqgħu għaċ-ċajt jekk meta jiktbu bil-Malti jieħdu xi żball.
Issa ngħiduha kif inhi, il-Malti sa ftit taż-żmien ilu ma kienx mgħallem bħalma jintgħallmu l-ilsna tat-twelid, u b’xorti ħażina kien jintgħallem qisu lsien barrani.
Il-persuna li semmejt qabel spjegatli li meta kienet għadha tifla tal-iskola, kienu jgħallmuhom il-Malti darba fil-ġimgħa: nhar ta’ Ġimgħa fl-aħħar lezzjoni. U biex tagħqad, f’nofs il-lezzjoni kienet issir bħal assembly qasira … Tistgħu tobsru x’lezzjoni kienet issir!
Jien niftakar li, fl-iskola fejn kont, kienu jgħallmuna kollox bl-Ingliż, u mnalla li għall-Malti inzertajt għalliema tajbin ħafna għax kieku llum…
Dun Karm, li bħal daż-żmien f’Ottubru nfakkru t-twelid u l-mewt tiegħu, ukoll għadda minnha din l-istorja. Biżżejjed ngħidu li sa qabel l-1912 kien jikteb bit-Taljan biss, għax bit-Taljan biss kienu jgħallmuhom u t-Taljan kien għadu l-ilsien uffiċjali. Huwa kiteb l-ewwel poeżija bil-Malti meta kellu 41 sena, imbagħad ma reġa’ lura qatt.
Id-diskors fuq kemm jiswa l-Malti ma jfissirx li rridu nbarru l-Ingliż. Anzi, dan l-ilsien internazzjonali għandna bżonnu, u miegħu għandna bżonn ilsna oħra bħall-Franċiż u l-Ġermaniż. Imma lsienna dejjem jiġi fuq quddiem, u mal-Maltin għandna dejjem nibqgħu niktbu u nitkellmu bil-Malti.
David Agius Muscat
Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460
Tel. (+356) 2558 7101