Bijografija ta’ Dun Karm

Dun Karm Psaila | il-Poeta Nazzjonali

Bijografija qasira

Dun Karm

Dun Karm twieled Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru 1871. Fi tfulitu Dun Karm attenda l-Iskola Primarja tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ. Wara daħal is-Seminarju u sar saċerdot meta kellu 23 sena. F’din il-ħabta Dun Karm beda jikteb xi poeżiji bit-Taljan, iżda l-bidu tiegħu bħala poeta seħħ meta kellu 41 sena.

Għodwa waħda, żewġ kittieba, Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi, iltaqgħu ma’ Dun Karm il-Belt. Qalulu li huma kellhom jibdew joħorġu gazzetta bil-Malti, Il-Ħabib, u stidnuh biex jiktbilhom xi poeżija sabiħa bil-Malti għall-ewwel ħarġa.

Għalkemm Dun Karm minn dejjem kien iħobb il-lingwa tagħna, hu kien għadu jikteb poeżiji bit-Taljan biss. Għall-ewwel ħabat se jaqta’ qalbu, imma mbagħad niżel għarkupptejh quddiem inkwatru tal-Madonna li kellu f’kamartu u talabha biex tgħinu. Dik il-lejla stess, fl-1912, Dun Karm kiteb l-ewwel poeżija bil-Malti u semmieha: Quddiem Xbieha tal-Madonna.

Minn dakinhar ’l hawn, Dun Karm beda jikteb ħafna poeżiji bil-Malti. Fosthom insibu l-Innu ta’ Filgħodu (Reġa’ sebaħ Ja Mulejja), l-Innu ta’ Filgħaxija (Riesaq il-lejl Mulejja), Innu lill-Madonna (Fil-Ħlewwa ta’ Mejju) u fuq kollox l-Innu Malti u għadd kbir ta’ poeżiji sbieħ fuq pajjiżna li wassluh biex ikun magħruf bħala l-Poeta Nazzjonali.

Dun Karm għex ħajja kwieta. Għal xi żmien l-uniku ħabib li kellu kien daqsxejn ta’ għasfur lelluxi li għalih kiteb il-poeżija Lill-Kanarin tiegħi. Dun Karm baqa’ dejjem mimli bi ħsibijiet kbar u bi mħabba safja lejn il-lingwa tagħna sakemm miet fit-13 ta’ Ottubru tal-1961, meta kellu kważi 90 sena.

Għal aktar tagħrif dwar Dun Karm żur is-sit tal-Akkademja tal-Malti u s-sit iddedikat lilu.