L-anniversarju ta’ de Soldanis

Din is-sena jaħbat it-300 anniversarju mit-twelid tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis (1712-1770). Kien l-ewwel wieħed li xandar kemm felaħ fuq l-ilsien Malti u kiteb fuq l-istorja, ir-reliġjon u l-kultura tal-Maltin.


Il-wirja
Bħalissa hemm wirja Għawdex fuq de Soldanis. Qed tittella’ l-Ministeru għal Għawdex, u se ddum miftuħa sat-23 ta’ Settembru 2012. L-istess wirja se tittella’ l-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt, fl-okkażjoni tal-Lejl Imdawwal fid-29 ta’ Settembru u tibqa’ miftuħa sal-11 ta’ Novembru 2012.

Fil-wirja qed jiġu ppreżentati l-manuskritti ta’ de Soldanis, xi sejbiet arkeoloġiċi sbieħ li semma f’xogħlijietu, u pitturi ta’ Favray li kien semmiehom fil-grammatika u fid-dizzjunarju. Aktar tagħrif fuq il-wirja ssibu minn hawn.


Il-mappa ta’ Għawdex
Min jattendi l-wirja jista’ jixtri kopja tal-mappa dettaljata ta’ Għawdex li nsibuha maħżuża fil-volum manuskritt ta’ de Soldanis, l-Istorja ta’ Għawdex.


Ktejjeb b’xejn għall-istudenti tar-raba’ klassi tas-sekondarja
Fil-ġimgħat li ġejjin se jitnieda ktejjeb għall-istudenti tas-sekondarja fuq de Soldanis. Dan il-ktejjeb bil-kulur se jingħata b’xejn lill-istudenti li jżuru l-wirja. Barra li miktub b’mod mexxej u mżewwaq b’pitturi tal-epoka, fih ukoll it-taħriġiet. Ideali għat-tħejjija tal-eżami taċ-ĊES.


Taħdita u ktieb ġdid
F’Novembru, il-President ta’ Malta se jorganizza lejla ta’ tifkira u matulha se jitnieda ktieb bi studji ġodda fuq de Soldanis.


Intervisti u qari fuq il-YouTube
Fuq il-YouTube nfetaħ stazzjon għal Agius de Soldanis. Fih issib 40 intervista ma’ storiċi u lingwisti, l-għaxar djalogi sbieħ ta’ de Soldanis moqrija u d-daħla tad-dizzjunarju tiegħu.

Ħajr lill-Ministeru għal Għawdex, il-Libreriji Maltin, il-Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università, li qed jikkollaboraw fil-proġett. Prosit ta’ din l-inizjattiva sabiħa.

—————————-
Ara wkoll l-istqarrija tal-Ministeru għal Għawdex u xi ritratti tal-wirja (DOI) u ċ-ċirkulari maħruġa mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku.