Kors ta’ aġġornament 2010

Wara s-suċċess miksub sentejn ilu bl-ewwel kors ta’ aġġornament ikkoordinat mill-Uffiċjal Edukattiv David Agius Muscat u mmexxi bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, din is-sena applikaw 44 għalliem għal dan il-kors volontarju.

Din is-sena l-kors se jiffoka fuq l-aġġornament tal-grammatika, ir-riżorsi marbutin mal-proġett tal-lingwa, it-tħaddim tal-Malti bil-kompjuter u taħriġ fl-ortografija.

Ara l-programm tal-kors

Il-materjal b’rabta mat-taqsima fuq il-Malti u l-kompjuter (tal-Ħamis) issibu hawn:

Fil-qosor:

Kors Volontarju ta’ Aġġornament tal-Malti għall-Għalliema (V 35/10)
L-Użu tal-Malti fil-Kompjuter u Aġġornament tat-Tagħlim tal-Morfoloġija, l-Ortografija u l-Istorja tal-Lingwa

POST: Iċ-Ċentru tal-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli, Sala A, l-Università, l-Imsida
DATI: Is-7, it-8 u d-9 ta’ Lulju 2010
ĦIN: 8.30 am – 12.30 pm

Sessjonijiet ta’ aġġornament għall-għalliema

Kulħadd jaf bid-Deċiżjonijiet 1 li ħareġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fl-2008. Aħna ridna li dawn id-deċiżjonijiet isiru jafuhom sew l-għalliema kollha tagħna. Kien għalhekk li tul dawn l-aħħar sentejn dorna l-iskejjel tagħna u ltqajna mal-għalliema biex nispjegaw dawn id-Deċiżjonijiet.

Agħfas hawn u ara t-tabella bil-ġranet li fihom saru dawn is-sessjonijiet.

Ħatra ta’ Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti

Nifirħu lis-sinjuri Marlon Barbara, Ina Cutajar u George Mifsud għall-ħatra tagħhom bħala kapijiet ġodda tad-Dipartiment tal-Malti.

Nieħdu pjaċir li qed ikompli jikber it-tim ta’ nies li qed jaħdmu biex jitkompla x-xogħol fil-qasam tal-lingwa ta’ pajjiżna.

Aktar laqgħat mal-għalliema

Fid-29 ta’ April iltqajna mal-għalliema kollha tal-primarja ta’ Ħaż-Żabbar (A u B). Fit-12 ta’ Mejju ltqajna mal-għalliema kollha tal-iskola sekondarja tas-subien ta’ Ħal Kirkop.

Ħajr lis-Sur Olvin Vella u lill-Professur Manwel Mifsud li qed jgħinuna f’dawn it-taħditiet fuq l-ilsien Malti. Aħna ninsabu kuntenti bil-kummenti sbieħ li qed nirċievu fuq id-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill tal-Malti fuq l-ortografija.

Dan kollu jawgura tajjeb għall-ġejjieni ta’ lsienna u jalla nkomplu naħdmu flimkien biex il-lingwa Maltija tibqa’ tissaħħaħ mal-ġenerazzjonijiet li telgħin.

It-Taħdit

Ir-riforma edukattiva taħseb biex issaħħaħ fl-istudenti l-ħiliet fil-qasam tat-taħdit. Dawn il-ħiliet jidħlu fis-suġġetti kollha għax f’kull suġġett jeħtieġ li l-istudenti tagħna jkunu kapaċi jitkellmu, jesprimu ruħhom, jisimgħu, jiddiskutu, jiddjalogaw, jifhmu lil xulxin, jistennew il-ħin tagħhom biex jitkellmu, jinterpretaw, ipoġġu lilhom infushom fiż-żarbun ta’ ħaddieħor, u jifhmu s-sens kollu – jiġifieri dak li hu ovvju u dak li mhux. Naturalment, dawn il-ħiliet jgħoddu wkoll għal waqt il-lezzjonijiet tal-Malti u tal-Ingliż.

Din hi pubblikazzjoni ta’ Leonard Grech b’għadd ta’ riżorsi (attivitajiet, eżerċizzji u logħob) li jistgħu jsiru fil-klassi, kemm fil-Primarja kif ukoll fis-Sekondarja, biex insaħħu fit-tfal il-ħiliet imsemmija. L-għalliema għandhom jagħżlu dawk li jgħoddu l-aktar għat-tfal li jgħallmu.

Riżorsi għall-ħila tat-taħdit fil-Malti

Aktar riżorsi għas-6 Sena

Grazzi lill-għalliema Daniela Jo Micallef li bagħtitilna għadd ta’ riżorsi tal-Malti maħdumin bil-Powerpoint. Daniela tgħallem is-6 Sena fl-Iskola Primarja San Bastjan, Ħal Qormi, tal-Kulleġġ Sant’Injazju. Nieħdu pjaċir ħafna b’għalliema bħalha li qegħdin jaqsmu r-riżorsi tagħhom mal-għalliema kollha tal-primarja.

Dawn issibuhom fil-paġna tar-Riżorsi tas-Sitt Sena.

Inħeġġu aktar għalliema biex jibagħtulna aktar materjal għal waqt il-lezzjonijiet tal-Malti ħalli nkomplu nibnu flimkien dan il-bank bir-riżorsi tal-Malti għall-primarja.

L-Istejjer u ż-Żgħar

L-Irrakkontar tal-Istejjer u t-Tfal iż-Żgħar (Preżentazzjoni)

stejjer (ppt)

Lezzjoni kumplimentari

pupaĦajr lill-għalliema Josette Bezzina mill-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa (Kulleġġ San Benedittu) talli għoġobha taqsam magħna ftit ideat fuq kif użat it-taqbila tradizzjonali ”Il-Pupa Tiegħi” waqt il-lezzjonijiet kumplimentari tal-Malti.

Din ir-riżorsa ssibuha fit-taqsima tar-Riżorsi tat-Tieni Sena.