In-Nannu nesa x’jisimni

Nifirħu lis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u lill-awtur Trevor Zahra għall-pubblikazzjoni In-Nannu nesa x’jisimni li qed titqassam fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.

L-għan ta’ dan il-ktieb hu li jgħin lit-tfal jitgħallmu aktar dwar id-dimensja u li jkisser perspettivi żbaljati dwar din il-kundizzjoni. Sikwit jiġri li r-riċerka ssir fuq l-internet u allura t-tfal mhux dejjem isibu materjal adattat għalihom. Problema oħra hi li t-tfal jafu jiltaqgħu ma’ materjal li ma jkunx miktub minn għajn awtorevoli u għal-livell tagħhom.

Fost il-mistoqsijiet li jqanqal u jwieġeb dal-ktieb, li qed jintuża wkoll fil-lezzjonijiet tal-PSD u l-Istudji Soċjali, insibu:

– X’inhi d-dimensja?
– Id-dimensja tista’ tittieħed?
– Għaliex l-individwu milqut iġib ruħu b’mod li jidher stramb?
– X’effetti tħalli fuq il-qraba u fuq l-individwu nnifsu d-dimensja?

Barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni qed tkompli twassal messaġġ ta’ importanza għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Din is-sena l-Unjoni Ewropea ddedikatha għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Fis-sit tagħha fuq l-anzjanità attiva toffri wkoll pjanijiet tal-lezzjonijiet dwar kif l-iskejjel jistgħu jilħqu dawn l-għanijiet.

Ara r-ritratti ta’ attività li saret dan l-aħħar fl-Iskola Primarja San Tumas More, Wied il-Għajn. Matul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Mario Galea tkellem fuq din l-inizjattiva sabiħa filwaqt li l-awtur tal-ktieb Trevor Zahra qara siltiet mill-ktieb u ddiskuta mal-istudenti l-kontenut tiegħu.

Tmexxija Effettiva

Fit-28 ta’ Mejju 2012, fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet tal-Imrieħel, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża, Dr Frank Fabri, nieda l-ktieb Tmexxija Effettiva ta’ Skejjel f’Kulleġġi – Kunsiderazzjonijiet f’Kuntest ta’ Bidla. Dan huwa l-ewwel ktieb bil-Malti li jiddiskuti u jirrifletti fuq it-tmexxija tal-iskejjel f’kulleġġi f’Malta.

Nifirħu lill-awtur tal-analiżi mirquma li għamel u talli għaraf ikompli jħaddem b’tant għaqal u ħila l-lingwa Maltija fl-għalqa edukattiva. Prosit tassew!