Programm ta’ Attivitajiet Valletta 2018

Imniedi l-programm ta’ attivitajiet kulturali li se jseħħu matul is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-programm se jiftaħ fl-20 ta’ Jannar 2018, b’serje ta’ attivitajiet spettakolari fil-Belt Valletta u l-madwar li jistiednu lill-udjenzi biex jieħdu sehem f’din il-festa mifruxa madwar il-gżira. Il-Programm Kulturali jinvolvi lil diversi komunitajiet u jikkonsisti fi proġetti minn dixxiplini differenti, inkluż il-mużika, l-arti viżiva u ż-żfin fost l-oħrajn.

Valletta 18Aktar dettalji jinsabu fuq is-sit uffiċjali tal-Fondazzjoni Valletta 2018

Għanjiet ferrieħa għas-snin bikrin

Musical NotesTnax-il għanja ferrieħa għall-Kinder. Ideali bħala eżerċizzju fil-ħila tas-smigħ u kif ukoll biex l-istudenti jkabbru l-vokabolarju.

Miktuba minn Rita Gatt, Joan Bugeja, Josephine Sammut, M. V. Vassallo, Maria Attard u Omar Seguna, kompożitur tal-mużika: Joe Brown, kantati minn Ritianne Azzopardi u Emma Turner Brown. Produzzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Il-kanzutetti huma:

Ikklikkja hawn biex tniżżel il-lirika tal-kanzunetti (PDF  /  DOC)

Leli l-Lapes ĠoĠo l-Ġurdien Il-Pustier
Kemm Nixtieq In-Nannakola Xemx u Xita
Strixxi Bojod… Strixxi Suwed… Oqgħod Attent L-Għaġina tal-Kulur Il-Kuluri
Piċu Piċu Il-Pupu Tiegħi L-Kostum Tiegħi

Tnedija ta’ Filmati ta’ Kanzunetti Maltin

Bi pjaċir nixtiequ ngħarrfu lill-għalliema tal-Malti tal-iskejjel medji u sekondarji li nhar il-Ħadd, 3 ta’ Lulju 2016, fl-10:00 ta’ filgħodu, fl-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Mosta, l-istudenti tal-Istudji tal-Media, immexxija mis-Sur Ian Attard se juru għall-ewwel darba tnax-il film ta’ kanzunetti popolari Maltin, jiġifieri:

  1. Kieku Taf ta’ Corazon Mizzi
  2. L-Ewlieni ta’ Danika Muscat
  3. Pupa ta’ Denise Spiteri
  4. Lupu ta’ Denise Spiteri
  5. Imħabba f’Kemmuna ta’ Frank O’Neil
  6. Ħdejk ta’ Joseph Refalo
  7. Baħħar ta’ Kantilena
  8. Jien ma Naħdimx ta’ Karen Debattista
  9. Għal Dejjem ta’ Marie Claire Attard Bason
  10. Fejn Marru t-Tfal ta’ Michela Galea
  11. L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel ta’ Sammy Bartolo u n-New Cuorey
  12. Kemm hu Sabiħ ta’ Sammy Bartolo u n-New Cuorey

Mixjet il-Malti – Żjara fil-Biblijoteka għall-istudenti tar-Raba’ Sena tas-Sekondarja

It-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta ser torganizza attività interattiva ta’ riċerka għall-istudenti tar-raba’ sena tas-sekondarja bl-isem Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina. Il-kapijiet tal-iskejjel u l-għalliema huma mitluba jaqraw l-informazzjoni marbuta ma’ din l-attività u mħeġġa jipparteċipaw fiha.

L-Għanijiet tal-Attività

Din l-attività hija marbuta mas-sillabu tal-Malti għall-istudenti tar-raba’ sena u tgħinhom ukoll fit-tħejjija tagħhom għall-eżami tat-taħdit taċ-ĊES 2017. Barra minn hekk toffri opportunità lill-istudenti li jżuru l-Biblijoteka Nazzjonali u japprezzaw it-teżori stampati li hemm merfugħa fiha. Hija attività maħsuba wkoll biex tiċċelebra Jum il-Libreriji li jkun iċċelebrat fit-23 ta’ April ta’ kull sena.

Il-Programm tal-Attività

Din l-attività tikkonsisti f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti ser jintwera filmat dwar l-istorja tal-bini tal-Biblijoteka, is-sehem ta’ Agius de Soldanis, il-katalogar tal-kotba jew dokumenti, il-kotba b’legatura personalizzata, l-album tal-akwarelli, l-eqdem mappa ta’ Malta (jiġifieri dik tal-1490), u t-Taqsima tar-Restawr tal-istess Bibljoteka. Uħud minn dawn il-kotba antiki u imprezzabbli ser jintwerew lill-istudenti biex filwaqt li jagħrfu t-teżori stampati li għandna, japprezzaw ukoll il-ħidma kbira li ssir fil-Biblijoteka biex dawn jitħarsu. Wara l-filmat, l-istudenti jittellgħu fis-sala ewlenija fejn ikunu jistgħu jaraw għadd ta’ manuskritti u kotba marbutin mal-istorja tal-lingwa u l-letteratura Maltija, u jkunu jistgħu jaħdmu t-taħriġ li għandhom fi ktejjeb imħejji apposta għal din l-attività.

Għal aktar tagħrif ara ċ-ċirkolari DCM076/2016: Mixjet il-Malti – Minn Caxaro sa Aquilina.
Ikklikkja hawn għar-riżorsi marbuta ma’ din l-attività.