Ħatra ta’ Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti

Nifirħu lis-sinjuri Marlon Barbara, Ina Cutajar u George Mifsud għall-ħatra tagħhom bħala kapijiet ġodda tad-Dipartiment tal-Malti.

Nieħdu pjaċir li qed ikompli jikber it-tim ta’ nies li qed jaħdmu biex jitkompla x-xogħol fil-qasam tal-lingwa ta’ pajjiżna.

Aktar laqgħat mal-għalliema

Fid-29 ta’ April iltqajna mal-għalliema kollha tal-primarja ta’ Ħaż-Żabbar (A u B). Fit-12 ta’ Mejju ltqajna mal-għalliema kollha tal-iskola sekondarja tas-subien ta’ Ħal Kirkop.

Ħajr lis-Sur Olvin Vella u lill-Professur Manwel Mifsud li qed jgħinuna f’dawn it-taħditiet fuq l-ilsien Malti. Aħna ninsabu kuntenti bil-kummenti sbieħ li qed nirċievu fuq id-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill tal-Malti fuq l-ortografija.

Dan kollu jawgura tajjeb għall-ġejjieni ta’ lsienna u jalla nkomplu naħdmu flimkien biex il-lingwa Maltija tibqa’ tissaħħaħ mal-ġenerazzjonijiet li telgħin.