Mela darba…

Kien hemm raġel li kien dejjem igerger għax kien fqir u qatt ma kellu xejn. Dejjem jisħet xortih. Jum minnhom kien għaddej minn ħdejn xmara tgelgel bis-saħħa kollha tagħha. Medhi kif kien, jaħseb fuq xortih, jilmaħ fl-art borża żgħira ħamra. Tbaxxa u ġabarha bil-ħerqa. Iżda xħin ġabarha u fetaħha sabha mimlija biċċiet żgħar tal-ġebel. Bir-rabja qabad u waddabha fix-xmara, filwaqt li kompla triqtu. Wara ftit ħin resaq fuqu raġel għani li mill-ewwel staqsieh għall-borża. Il-fqajjar kien għoddu miet meta l-għani qallu li dik il-borża li kien sab kienet mimlija ħaġar prezzjuż!

Bosta drabi, l-għalliema jgergru li fil-Malti ninsabu żvantaġġjati ħdejn l-Ingliż u suġġetti oħra. Dan għaliex neqsin mir-riżorsi. Imma jista’ jkun il-każ li għandna l-borża f’idna u ma nindunawx x’fiha. Ta’ min jaħseb ftit fuq dawn il-mistoqsijiet?

• Taf li hemm dan is-sit tal-Malti li jista’ jkun għodda tajba għall-klassi?
• Kemm tidħol fih biex taġġorna ruħek b’li jkun qed jiġri?
• Kemm inti lest li tagħti sehmek biex jittellgħu aktar riżorsi fis-sit?
• Ma taħsibx li kieku kull għalliem/a itella’ taħriġ wieħed, ikun jista’ jkollna ħażna akbar ta’ riżorsi li minnha jkunu jistgħu jgawdu ħafna?
• X’inhu jżommok milli tagħmel l-ewwel pass u tipprovdi xi riżorsa għas-sit mill-ħafna li żgur li għandek?

Naħseb li l-messaġġ huwa wieħed ċar: jekk ninsew ftit l-egoiżmu professjonali u naħdmu flimkien u jekk kull wieħed u waħda minna nagħtu s-sehem żgħir tagħna, naħseb li jkollna sit tal-Malti li tassew ikun bank ta’ riżorsi li jgħin fit-tagħlim tal-Malti u li żgur jaqdi lill-klijenti tagħna, kemm kbar u kif ukoll żgħar, bl-aħjar mod possibbli.

Stedina: Jekk tixtieq tgħaddi xi xogħol biex jitla’ fis-sit, ibagħtu fl-indirizz tiegħi (hawn taħt) jew ċempel fuq in-numru indikat.

Grazzi bil-quddiem u nawguralkom is-saħħa.

George Mifsud
Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti fil-Primarja

Kamra 7
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460

Indirizz elettroniku: george.mifsud@gov.mt
Tel. (+356) 2558 710

L-Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti, is-Sur David Agius Muscat, qiegħed bil-leave.

Il-Kotba Obbligatorji għat-3 u r-4 Sena

Il-kotba obbligatorji tal-lingwa komplew jiġu riveduti u aġġornati minn bordijiet ta’ esperti approvati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Fl-aħħar xhur ġew stabbiliti l-kotba tal-ħames u s-sitt sena. Issa ntgħażlu wkoll il-kotba għat-tielet u r-raba’ sena. Kotba oħra ġodda tal-lingwa qed jintużaw minn din is-sena wkoll fl-ewwel u t-tieni sena tal-Primarja.

B’hekk nistgħu ngħidu li l-kotba kollha tal-lingwa Maltija fil-primarja ġew aġġornati kemm mill-aspett ortografiku (biex jirriflettu l-aħħar aġġornament fl-ortografija) kif ukoll mill-aspett pedagoġiku, fit-tagħlim tal-erba’ ħiliet ewlenin tal-lingwa.

Għal tagħrif ieħor tista’ tara din iċ-ċirkulari.

Jum Dun Karm

ANNIVERSARJU – 50 sena minn mewtu

Jum Dun Karm se jsir il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2011. Se tkun okkażjoni speċjali għax minbarra t-tqegħid tal-fjuri bħas-soltu fuq il-monument tal-Poeta Nazzjonali, se tittella’ wkoll għodwa f’ġieħu fis-sala ewlenija tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana.

Din l-għodwa se ssir bil-patroċinju tal-President ta’ Malta u se tkun tinkludi rappreżentazzjonijiet drammatiċi u mużikali ta’ kitbiet differenti tal-poeta maħduma mill-istudenti għall-istudenti.

Grazzi u prosit lill-iskejjel li kkonfermaw is-sehem tagħhom. Inħeġġu aktar skejjel biex jattendu għal din l-għodwa speċjali.

—–
Jekk tixtieq taqra aktar fuq Dun Karm Psaila, ara dawn:

Ħajjet Dun Karm

Preżentazzjoni fuq il-Poeta Nazzjonali

Dun Karm – 50 sena minn mewtu – attivitajiet

Il-Poeta Nazzjonali

Dokumentarju fuq Dun Karm

Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali, li qed jitfakkar matul din is-sena, id-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ dvd b’filmati esklużivi tal-poeta. Tista’ tordnah billi tikklikkja fuq l-istampa t’hawn taħt:

Tnieda wkoll sit elettroniku apposta b’rabta ma’ dan l-anniversarju. Tista’ tidħol fih minn hawn.

Il-Kotba Obbligatorji għall-5 u s-6 Sena

Il-kotba obbligatorji tal-lingwa qed jiġu riveduti u aġġornati minn bordijiet ta’ esperti approvati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu.  S’issa ġew stabbiliti dawk tal-ħames u s-sitt sena. Tista’ ssibhom mill-menù rispettiv tagħhom, hawn fuq. Il-kotba tas-snin l-oħra jitħabbru aktar ‘il quddiem.

Ta’ min ifakkar li huwa l-obbligu tal-għalliema kollha li jużaw u jfasslu x-xogħol tal-klassi tagħhom fuq il-kotba stabbiliti. M’għandhomx jintużaw kotba oħrajn barra dawk stipulati fis-sillabu u approvati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. L-istudenti m’għandhomx jiġu mġiegħla jew imħajra jixtru kotba oħra li l-għalliem/a jidhirlu/jidhrilha li huma aħjar minn dawk stabbiliti fis-sillabu uffiċjali.

Jekk l-għalliema jħossu li għandhom jużaw materjal ieħor (supplimentari) ma’ dak li hemm fil-kotba tas-sillabu, dan għandu jsir b’għarfien sħiħ tar-responsabbiltajiet kollha tagħhom u b’rispett lejn il-liġijiet tad-dritt tal-awtur (copyright). L-istudenti bl-ebda mod m’għandhom jintalbu jew ikunu mġiegħla jixtru kotba tal-Malti biex jintużaw fil-klassi fuq inizjattiva personali tal-għalliem/a.

Qari Supplimentari – Lista aġġornata

Il-lista tal-kotba tal-qari supplimentari għadha kemm ġiet aġġornata. Din tiġbor fiha l-kotba bil-Malti li l-iskejjel jistgħu jagħżlu minnhom għall-istudenti tagħhom, barra dawk preskritti mis-sillabu (tal-qari obbligatorju).

Tista’ taqra fuq dan u aktar minn din iċ-Ċirkulari.

Ħajr

Nirringrazzjaw lis-Sa Corinne Micallef, LSA fl-Iskola Primarja Stella Maris ta’ Ħal Balzan, li għoġobha taqsam magħna u mal-għalliema xi preżentazzjonijiet minn tagħha. Dawn issibuhom fit-taqsima “Ir-Riżorsi” tat-Tieni Sena.

Nieħdu gost nisimgħu u nirċievu mingħandkom. Jekk tixtiequ tikkuntattjawna, agħmlu dan minn hawn.

Naturalment, kulma tgħaddulna jitla’ fil-blogg f’isimkom.

Grazzi.

Nota

Is-Sur George Mifsud inħatar Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti fil-Primarja.

Is-Sur David Agius Muscat, l-Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti, qiegħed temporanjament bil-leave.